L-erba’ fazzjonijiet li llum jagħmlu lill-Partit Nazzjonalista

Blog post minn osservatur politiku

Fl-1849, il-ġurnalista Franċiż, Jean-Baptiste Alphonse Karr, kiteb din epigramma fil-ġurnal Les Guêpes (Iż-Żunżan) li baqgħet magħrufa sal-lum. Din il-frażi tiġi bil-Malti, aktar ma jinbidlu l-affarijiet, aktar jibqgħu l-istess. Din il-frażi ispiratni biex nikteb dan l-artiklu għaliex fl-istess ħin tfiehem kif qed isiru l-affarijiet fil-Partit Nazzjonalista. Nippruvaw nuru li qed inħajru kandidati ġodda joħorġu taħt l-arma tal-partit fl-elezzjoni li ġejja, imma fl-istess ħin kollox mmexxi minn nies li ħarġu minn fazzjonijiet li kienu jmexxu nies qodma fil-partit. Il-faċċata tindika mod imma, min jaf x’inhu għaddej, jafu li l-iħirsa antiki għadhom jimbuttaw ċertu nies li jaħsbuha bħalhom biex jieħdu d-deċiżżjonijiet.

Fazzjonijiet issibhom f’kull partit politiku. Biċċiet minnhom fil-miftuħ u oħrajn minn wara l-kwinti. Iż-żewġ faxex prinċipali li qed jaħdmu fil-Partit Nazzjonalista huma nfluwenzati minn tnejn min-nies, li qatt ma raw għajn m’għajn, lanqas fl-aqwa snin tal-ħajja politika tagħhom. Fuq naħa għandek lil Richard Cachia Caruana li llum jispira l-faxxa mmexxija minn Chris Said u Karol Aquilina u fuq in-naħa l-oħra għandek il-fazzjoni li kienet tant b’saħħitha taħt Austin Gatt li llum jidher għalija Beppe Fenech Adami. Cachia Caruana għadu ta’ ispirazzjoni qawwija, imma li qed jagħmel hu li jiltaqa’ ma nies li jmorru għandu jitkarrbu għall-attenzjoni.

Jidher, li permezz ta’ Chris Said u Karol Aquilina, Richard qed jappoġġja l-akbar fazzjoni li hemm fil-Partit. Ma jfissirx li hi l-aktar fazzjoni b’saħħitha għax biex tkun b’saħħtek irid ikollok miegħek nies li joffrulek faċċata u iridu jkunu sodi biex imexxu l-aġenda tiegħek. F’din il-faxxa ta’ nies hemm il-grupp ta’ Simon Busuttil. Hemm ukoll il-faxxa ta’ Roberta Metsola. Imbagħad magħquda magħhom hemm is-Soċjeta Ċivili speċjalment ir-Repubblika. Biss ma rridux naħsbu li din hija faxxa kompatta u dejjem magħquda.

Jekk tgħaraf li Simon Busuttil u Roberta Metsola ma tantx jinġiebu, trid imbagħad tiftakar li Metsola għandha l-barka assoluta ta’ Cachia Caruana. Għandha wkoll warajha lil Lawrence Gonzi. Biss hawn toħroġ il-mod ta’ kif dejjem ħadem Richard Cachia Caruana li jirnexxielu jżommhom jaħdmu flimkien. Huwa għalhekk li Metsola hija b’saħħitha. Biex twassal il-messaġġ tiegħek irid ikollok anke media miegħek. Din il-faxxa mhux nieqsa għax għandha jsostnuha lit-Times of Malta u lil-LovinMalta.

Hawnhekk irridu nirrimarkaw ħaġa mportanti ħafna. Kull min ħadem ma’ Richard Cachia Caruana jaf li hu bniedem intelliġenti, jidħol f’dettal li ħadd bħalu ma joħolmu, jħobb il-preċizzjoni, dejjem kien bniedem viżżjunarju u fit f’dak kollu li jippreżenta, kemm kitba kif ukoll personalita’. Chris Said u Karol Aquilina, jippruvaw kemm jippruvaw, qatt ma huma se jaslu għal dak il-finesse ta’ Richard Cachia Caruana. U r-riżultat juri b’mod ċar għax kemm ilhom li ħadu over Said u Aquilina ħlief tgħaffiġ mhux ħiereġ.

Imbagħad jirrispondu l-faxxa mnissla minn Austin Gatt li llum immexxija minn Beppe Fenech Adami li b’mod kważi awtomatiku tasal għal Claudio Grech, bniedem li għamel snin twal jaħdem fis-segretarjat ta’ Austin Gatt. Aħsbu ftit kemm għandu saħħa bħalissa Claudio Grech. Għandu kważi kollox f’idejh, il-programm elettorali, il-clusters u affarijiet oħra. Mhux se ninħasdu li Claudio jgħidilna li mhux se jkun kandidat għall-elezzjoni ġenerali. Biss ara taħsbu li mhux xorta b’saħħtu ħafna fil-Partit. Kif għidt għal faxxa l-oħra, anke dawn għandhom il-media magħhom. Dawn għandhom il-media tal-knisja tgħinhom. It-tifel ta’ Austin Gatt huwa c-Chairman ta’ Beacon Media Group li tmexxi il-media tal-knisja, Newsbook. In-neputi ta’ Austin Gatt, Michael Zammit Maempel huwa s-segretarju. Bħala CEO ta’ Beacon media Group għandek lil Anton Attard li jiġi ħu l-mara ta’ Beppe Fenech Adami.

Kif diġa għidt mhux in-numri biss jagħmluk b’saħħtek. Barra minn hekk dawn għandhom warajhom lir-rappreżentanti fil-Kummissjoni Elettorali u fl-ELCOM li jmexxu u jippreparaw għall-elezzjonijiet interni u nazzjonali. Imma kif qatt xi darba jista’ Beppe Fenech Adami jkollu l-kapaċitajiet amminstrattixi u ta’ tmexxija bħal ma kellu Austin Gatt. Dr Gatt kien mutur miexi gas down il-ħin kollu, dejjem jimmodernizza u kontinwament jorganizza u jottjeni riżultati. Bir-rispett kollu Beppe ma jibdiex ma Austin. U għalhekk il-Partit qed jitkisser għax min ħa r-rigni minn għand dawk id-dinosawri tal-politka ma jażżardax jaqflilhom il-qorq. Dawn huma ż-żewġ fazzjonijiet l-aktar b’saħħithom.

Imbagħad inħolqot it-tielet faxxa u r-raba’ faxxa. Hawn qed nitkellmu fuq il-faxxa ta’ Bernard Grech u dik ta’ Adrian Delia. Dawn it-tnejn ma għandhomx dinożawri fil-Partit, allura ma jistgħu jkunu qatt daqshekk b’saħħithom. Adrian Delia għandu numru ta’ deputati li kienu u għadhom miegħu. Illum jidhru li żdiedu għax hemm min qed jirrealizza li għamlu żball li neħħewh u poġġew lil Bernard Grech. Fuq kollox, anki forza qawwija fil-bażi u ma’ numru ta’ Nazzjonalisti li dejjem imxew wara l-arma.

Dr Grech ftit għandu deputati li qed jagħtuh l-appoġġ tagħhom. Biss għandu numru ta’ ġenerali. Dawn qed jagħtu l-impressjoni li qed jinbidlu l-affarijiet. L-apparenza tinganna jgħid it-taljan. Biss hu fl-interess tad-dinosawri fiż-żewġ kampijiet il-kbar li jappoġġaw lil Bernard Grech. Hu għalhekk li f’dan il-kamp ta’ Bernard Grech, aktar ma jinbidlu l-affarijiet, aktar jibqgħu l-istess.

Leave a Reply