Għandna media f’Malta li hija ppreferuta fil-qrati tagħna?

F’dawn il-jiem kien hemm id-deċizzjoni tal-qorti dwar storja li ħareġ Jacob Borg ta’ The Times. Niftakar li meta l-avukati ta’ Yorgen Fenech bdew jagħmlu dawn ir-rikorsi fuq stejjer li bdew jidhru u li deher ċar li l-oriġini tagħhom kienu iċ-chats ta’ Yorgen Fenech innifsu, kien hemm ċertu esponenti tal-media li bdew jgħidu li l-avukati ta’ Yorgen Fenech qed jattakkaw lill-istess media. Dan għaliex dawn l-avukati kien qed jagħmlu talbiet lill-maġistrata Rachel Montebello biex il-media tkun investigata ta’ kif qed jinħarġu ċertu stejjer miċ-chats ta’ Yorgen Fenech li fuqhom hemm divjit mill-qorti. Jien ma naqbilx li l-avukati kellhom jirrappurtaw dawn il-każijiet lill-maġistrata. Biss mhux ser inlumhom. Għaliex qed ngħid dan? Għaliex issa qed jingħataw sentenzi li qed iwasslu biex ikun hemm min jistaqsi jekk f’dan il-pajjiż il-ġustizzja hix għal kulħadd l-istess.

Din il-ġimgħa kellna d-deċizzjoni tal-qorti tal-maġistrati dwar storja li ppubblika Jacob Borg li ġiet minn sors li fuqu kien hemm divjit tal-qorti. Il-maġistrata Rachel Montebello ħaslitu u xxuttatu lil Jacob Borg. Biss finalment ma qegħdetux taħt disprezz u b’hekk evitatlu li jrid joqgħod iħallas u jitla’ l-qorti biex jidher quddiem maġistrat ieħor ħa jiddefendi ruħu.

Biss wieħed irid jistaqsi min tahielu din l-informazzjoni lil Jacob Borg? Dan hu punt li ma ġiex trattat mill-maġistrata Montebello. Żgur li s-sors ma kienux l-avukati ta’ Yorgen Fenech. Qed ngħid dan għaliex dawn għandhom aċċess għal din l-informazzjoni. Ma naħsibx li huma daqshekk ċwieċ li joqogħdu jxandru u jagħtu lill-ġurnalisti stejjer maħsuba biex jagħmlu ħsara lil Yorgen Fenech innifsu. L-anqas naħseb li huma stupidi li jkollhom leakages ta’ dawn iċ-chats!

Mela mingħandu aċċess aktar għal dawn iċ-chats? Hemm il-qorti, jiġifieri l-maġistrata, li l-anqas naħseb ma għandha xi interess u l-anqas hija stupida li tagħmel att bħal dan. Mela min jibqa’? Jibqa’ l-pulizija u l-ufffiċju tal-avukat ġenerali u l-familja u l-avukati tal-familja Caruana Galizia. Infakkar li dawn illum qed jaħdmu bħala tim wieħed f’din il-prosekuzzjoni kontra Yorgen Fenech, anki jekk minn dawn kollha, kien wieħed mill-avukati tal-familja Caruana Galizia li ntefa’ dell fuqu minn Adrian Delia li qed joħroġ informazzjoni mingħand il-pulizija lill-media li suppost għandha tibqa’ konfidenzjali.

Infakkar li dan l-avukat tal-familja ta’ Daphne Caruana Galizia, iqies flimkien ma’ din l-istess familja li min joħroġ data li hemm divjit fuqha mill-qorti, verosimilimente, huwa f’assoċjazzjoni mal-kriminali. Hekk kiteb f’rikors li għamel lill-maġistrata Rachel Montebello u dan ir-rikors intlaqa’ mill-istess maġistrata. Allura ngħid jien, meta toħroġ data bħal din miċ-chats ta’ Yorgen Fenech, min qed joħroġha mhux wkoll jista’ jkun verosimilimente f’assoċjazzjoni ma’ organizzazzjonijiet kriminali? What’s sauce for the goose is sauce for the gender.

Meta jien ġejt akkużat minn Jason Azzopardi b’mod falz li ħriġt data u ksirt divjit tal-qorti dwar xandir ta’ recordings, il-Malta Today, flimkien ma’ The Times għamlu xalata. L-aqwa li ħarġu jgħidu li akkademiku ġie mtella’ l-qorti taħt disprezz tal-qorti. Dak in-nhar ħadd minnhom ma qal li dan kien attakk fuq il-media ħielsa. Anzi il-ħabib tagħhom Manuel Delia qal kemm hija deċizzjoni tajba tal-maġistrata Montebello u saħansitra huwa u l-kanċilliera tal-arċisqof Scicluna wżawha fil-ktieb li ppubblikaw flimkien fejn qalu li l-maġistrata sabitni ħati li ksirt divjit tal-qorti u b’hekk jien parteċipi fuq dan it-tielet assedju li qed isir fuq ir-Repubblika ta’ Malta. Aħjar nidħku milli nibku!

One comment

Leave a Reply