Għaliex Prof. Cassar ma kiteb xejn fuq ħatnu?

Blog post minn osservatur politiku

Kull meta jikteb il-Professur Kevin Cassar dejjem tistenna attakk feroċi fuq xi ħadd. Għandu ħabta jaqbad ma’ wieħed jew tnejn u jfajrilhom minn fuq, minn taħt u miż-żewġ ġnub. Ma hemmx ħniena. Min jiġi taħt il-pinna tiegħu jlaqqat damdima tajba.

Biss li għandu huwa, li lil min ma jniżżilx sa griżmejh isawwtu b’kull ma għandu u lil min jaġevola jinsieh u jitfgħu fuq xkaffa mwarrab għall-kwiet. Illum kien imiss lil Adrian Hillman u lil kull min kellu b’xi mod xi relazzjoni ta’ xogħol miegħu. Jekk f’għomru dan ir-raġel għamel xi ħaġa tajba, żgur li ntesiet għal dan il-professur tal-mediċina. Ma hemmx ċans li jfendilu waħda għax jaqlalu tal-lum, tal-bieraħ u jekk jibqa’ jmur aktar il-bogħod. Kif jgħid il-Malti, allaħares tiġi f’ilsienu għax ifajjarlek bla ħniena ta’ xejn. Verament tammirah għax qabel jikteb jirriċerka kull ma nkiteb jew ġie svelat, basta fin-negattiv, ħalli jkun jista’ jtemmagħhomlok kollha.

Ikolli nammetti li meta jgħajjar għandu linja ta’ ħsieb waħda, li tiġbidlek l-attenżjoni, għax jiffoka kemm jiflaħ fuq il-ħażin kollu li jkun għamel dak taħt l-attakk tiegħu. Minn daqshekk bravu dan il-professur. Dejjem isibilna xi ħaġa fuq min seta’ seraq xi flus speċjalment tal-gvern, ikkorrompa lil xi ħadd, fuq kull min ra kif għamel biex jakkwista xi flus minn taħt il-mejda, insomma dejjem ifittex biex jikxef.

Biss nixtieq infakkru ftit f’okkażżjoni oħra fejn hemm investigazzjoni dwar kif flus intefqu fuq kantanta biex tidher aħjar fil-previżżjoni tagħha u l-possibilita’ ta’ rebħ fil-Eurovision. Sirna nafu li s-sena l-oħra telgħet tirrappreżenta lil Malta kantanta li rebħet l-X-Factor ta’ Malta. Dan huwa program li jittella’ fuq l-istazzjon nazzjonali minn kumpanija li hija tas-Sur Anton Attard. Anton Attard kien akkompanja lil kantant fl-esperjenza tal-Eurovision tagħha. Din is-sena tfaċċaw aħbarijiet li qed jallegaw li intefqu flus b’mod dubbjuż ħafna. Hemm allegazzjonijiet li dawn saħansitra ntefqu fuq imħatri. Kienu aħbarijiet li xxokkjaw mhux ħażin lill-poplu Malti, għaliex hemm ħafna modi kif jintefqu l-flus imma li jintefqu fuq imħatri, hija xi ħaġa li tiskantak. Allura f’dan l-allegat ta’ sparpaljar ta’ flus il-poplu, jiena stennejt li l-Profs. Cassar jiktbilna xi attakk interessanti fuq Anton Attard li hu l-persuna li qed jissemma.

Il-Profs dejjem ifittex kif jikxef id-dnubiet ta’ ħafna nies u nistenna li jgħidilna xi ħaġa, forsi li għadna ma nafux sa issa, fuq dan l-allegat sparparjar ta’ flejjes il-poplu. Imma, il-profs jista’ jkollu konflitt ta’ interess f’din l-istorja. Tgħid qed isib problema jikteb fuq din l-istorja għax dan l-imbierek Anton Attard jiġi ħaten Beppe Fenech Adami? Tgħid qed jiddejjaq jikteb li, ħu l-mara ta’ Beppe Fenech Adami, talab lil Yorgen Fenech kif jista’ jtejjeb l-odds tal-kantanta meta marret tirrapreżenta lil Malta fil-Eurovision?

Sinċerament stennejt bil-ħerqa lil Profs Cassar jikteb xi ħaġa dwar dan l-att skorrett fuq l-imħatri. Imma ħallina b’xejn. Imma tgħid għaliex? Tgħid dan seta allegatament juża flus il-poplu għall-imħatri? Profs jekk dan jirriżulta veru dan mhux tip ta’ serq ukoll? Imma l-Malti jgħid li l-ewwel il-familja. Naħseb li għalhekk il-Profs evitha din l-istorja. Jista’ jkun li ma kiteb xejn għax Anton Attard, l-involut f’dan l-allegat, huwa mħallat mal-Profs Cassar ukoll, permezz tat-tieni żwieġ ta’ Cassar lil Maria Fenech Adami li tiġi oħt Beppe. As they say. all in the family.

https://timesofmalta.com/articles/view/discarded-and-disowned-kevin-cassar.880082?fbclid=IwAR0-meVR6dWRsUUkdJupdR8BjCzGXpeiEqhZlWiAZ9alAktTfaAEtLIFSKs

Leave a Reply