Tliet raġunijiet minn ħafna għala Bernard Grech ser jitlef l-elezzjoni

Blog post minn osservatur politiku

Tim Diacono tella’ artiklu fuq Lovin Malta fil-15 ta’ Ġunju fejn fiħ saħaq fuq dak li ilu jkun irrappurtat f’dan il-portal dwar il-Partit Nazzjonalista. Bir-raġun, Diacono qalilna li qegħdin ftit żmien il-bogħod minn elezzjoni ġenerali. B’hekk il-mistoqsija unika li qed issir hi, mhux min se jerbaħ l-elezzjoni, imma kemm se tkun id-differenza bejn iż-żewġ partiti prinċipali. Għalkemm il-pajjiż għadda minn pandemija, il-qtil ta’ ġurnalista u ħafna affarijiet oħra, il-partit fil-Gvern jibqa’ l-aktar partit fdat mill-elettorat.

Kemm ilu jissemma f’dan is-sit li l-Partit Nazzjonalista baqa’ gallarija fuq id-diskussjoni tal-kannabis. LovinMalta jgħid li l-Gvern ressaq il-White Paper fuq is-suġġett f’Marzu li għadda. Il-Partit Nazzjonalista għadu bla pożizzjoni. U dan għadu hekk wara ħames laqgħat tal-grupp parlamentari jiddiskutu dan is-suġġett. Id-deputati qed jgħidu li telqu minn (A) u wara daqshekk diskussjoni għadhom fuq (A). Kif tista’ tasal? Dan is-sit kien semma li Bernard Grech irid li l-grupp parlamentari jaqbel miegħu fuq din il-legalizzazzjoni u joħroġ b’pożizzjoni waħda favur. Diġa intqal f’dan is-sit li r-raġuni għaliex Bernard Grech qed jimbotta din il-pożiżżjoni hija għax iż-żewġ uliedu jaqblu magħha. Dik politka! Dak ħsieb profond! Kif tista’ xi darba tasal?

Il-Lovin Malta semma raġuni oħra fejn il-Partit Nazzjonalista baqa’ gallarija. Huwa rrefera għall-proġett magħruf tal-ITS f’San Ġiljan, proġett li kemm-il darba ssemma fuq dan is-sit. Kif tista’ tħares lejn dak li qed jippreżenta lill-pubbliku dan il-Partit meta kull ma għamel kien li staqsa għar-riżenja ta’ dawk il-ħames membri tal-Awtorita’ tal-Ippjanar li rrikużaw ruħhom mill-aħħar vot, jiġifieri fil-mument tal-prova. Imma biex tkompli tgħaxxaqa r-raġuni kienet validissima li jirrukużaw ruħhom, għax kienet b’riżultat ta’ sentenza tal-qorti. Is-sabiħa hi, li l-Partit Nazzjonalista la qal jekk hux favur u lanqas kontra, biex la jinten u lanqas ifuħ. U l-anqas għandu membru tiegħu fuq il-bord, anki jekk tagħtih dan id-dritt l-istess liġi. Prova ta’ kemm il-Partit Nazzjonalista qagħad gallarija hija l-kritika ħarxa li l-partit qala’ minn għand Andre Callus tal-Moviment Graffitti.

It-tielet raġuni ta’ Tim Diacona fejn qed jgħid li l-Partit Nazzjonalista qed jitlef ir-relevanza tiegħu, hija l-paroli ta’ Bernard Grech fuq il-pakkett finanzjarju li Joseph Muscat ħa meta spiċċa minn Prim Ministru. Dan is-sit mill-ewwel kien irreaġixxa għal din l-aħbar li kienet ħarġet biha ix-Shift News. Bernard Grech joħroġ fuq l-attakk, mingħajr ma kellu ebda dettal ta’ x’ġara qabel, u ddikjara li dan kien rigal sigriet minn għand Robert Abela lil Joseph Muscat. Kull ma ried isir mill-ġenerali ta’ madwaru kien, li jiċċekkjaw jekk il-Prim Ministru ta’ qablu kienx ħa dawn il-flus, u jekk iva kif inħadmet u jqabbel ma’ dak li ħa Joseph Muscat. Kienu jindunaw li dan fil-fatt ġara imma l-għaġġla ta’ Bernard Grech uriet kemm hu pront li jipprova joskura lil ħaddieħor biex jakkwista xi vot. Dan kien kumment li ta raġuni oħra għaliex Bernard Grech ma jistax jiġi fdat. Kompla jitla’ fil-wiċċ li Bernard Grech nieqes mill-preparament politiku meħtieġ għal Kap ta’ Partit.

Bħal ma ssemma kemm-il darba fuq dan is-sit, il-LovinMalta qed jgħidu li l-Partit Nazzjonalista qed jaffaċċja ħafna problemi u nuqqas ta’ ħsieb u strateġija biex jippruvaw inaqqsu id-distakk mal-Partit Laburista. Ebda partit politiku ma jista’ qatt javanza u jiġbed is-simpatija tal-elettorat meta kull ma qed jagħmel huwa li joqgħod attent li ma jirfisx kallijiet ta’ dawk ta’ madwar u jipprova jaġevola lil kulħadd. Din hija l-agħar politika li kwalunkwe politiku għandu jħaddan. Il-politika li tħajjar votanti jersqu lejk għadha lanqas biss inħasbet aħseb u ara kemm qed titħaddem. Għalhekk il-Partit Nazzjonalista għandu quddiemu għadma iebsa, għax mingħajr ma jafu jew għall-anqas mhux dak kien il-ħsieb meta biddlu l-Kap, dawnl-istess ribelli tefgħu quddiemhom muntanja għolja li apparentament qed taqtalhom qalbhom li jitilgħuha.

LovinMalta għalqet l-artiklu tagħha billi qalet li l-elezzjonijiet jintrebħu jekk jirnexxielek tattira lejk il-moħħ u l-qalb tal-elettur. Il-Partit Nazzjonalista qiegħed lura ħafna fuq dan l-aspett u jekk jrid jara xi avvanz irid jaħdem ħafna iżjed fuq dan l-atteġġjament.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *