It-theddid li jittieħed il-vot fil-Kunsill Ġenerali jestendi għall-membri tal-kumitati sezzjonali li qed jirrifjutaw li jkunu siġillaturi

Blog post minn osservatur politiku

Il-bieraħ, inti tellajt artiklu fejn semmejt nies li kienu jgħinu fl-elezzjonijiet ġenerali qed jiġu mhedda li jeħdulhom il-vot li għandhom fil-Kunsill Ġenerali. Kien hemm min għajrek giddieb. Kien hemm minn qallek biex turi mnejn toħroġ mill-istatut li sigillaturi jridu jkunu kunsilliera.

Waqt li nikkonferma dak li ktibt, ikolli ngħid li l-kliem iqanqal iżda l-eżempju jkaxkar. Waqt li huma minnu li s-sigillaturi mhux bilfors iridu jkunu kunsilliera, dawk is-sigillaturi li huma kunsilliera u qed jirrifjutaw, qed ikunu mhedda li jitneħħew minn kunsilliera.Għaliex qed jiġri dan?

Hekk jiġri meta jkollok min qed imexxi, jagħti sinjali ta’ arroganza u jħares lejn ta’ taħtu bħala għodda, biex jaslu għal dak li jkollhom bżonn biss. L-arroganza li qed tintuża mill-ġenerali ta’ madwar il-kap preżenti, Dr Bernard Grech, issa niżlet għal-livell ta’ kumitati sezzjonali. L-Elcom, il-fergħa tal-Partit Nazzjonalista li tmexxi l-elezzjonijiet interni u nazzjonali, bdiet taħseb għall-armata ta’ nies volontarji li din il-fergħa jkollha bżonn biex jgħinuha fil-ġranet tal-elezzjoni ġenerali. Din il-fergħa għaddiet l-ordni lill-kumitati sezzjonali biex jibdew jaħsbu għas-siġillaturi għall-ġurnata tal-elezzjoni ġenerali li ġejja. Xi ħaġa li tistenniha.

X’għamlu l-Presidenti tal-Kumitati? Dawn l-ewwel li staqsew lill-membri tal-kumitat tagħhom stess. Imma minn dak li qed naqra dawn għamlu din ir-rikjesta b’mod li lanqas taħseb li wieħed għandu jasal sa hemm. Fil-fatt, dawn bdew jgħaddu kliem ta’ theddid lill-membri tal-kumitat, li qalulhom li ma jistgħux jagħtu konferma għall-impenn tagħhom. L-irjus tal-kumitat bdew jheddu lil dawk, li ma tawx konferma, li jittieħdilhom il-vot tal-Kunsill Ġenerali.

Kumitat magħmul minn voluntiera għax ma joffrux ruħhom għall-impenn fil-ġurnata tal-elezzjoni b’theddid fuq rashom li jitilfu l-parteċipazzjoni tagħhom, bis-saħħa tal-vot, fil-kunsill ġenerali, hija attitudni ħażina ħafna. B’dik l-attitudni tbiegħed in-nies tista’, għax il-bnedmin, b’mod kważi naturali, aktar jitbiegħdu meta l-aktar li jkollok bżonnhom.

Imma kif qatt xi darba jista’ jieħu r-ruħ dan il-Partit? Jekk il-ġenerali jieħdu attitudni ta’ suppervja u arroganza, din b’mod awtomatiku tgħaddi fuq is-suldati ta’ taħthom stess. B’dak il-messaġġ li qed jinxtered fuq il-media soċjali mhu xejn ħlief att ta’ disperazzjoni fejn saħansitra membri tal-istess kumitati qed iħossuhom urtati minn min imexxi dawn il-kumitati stess. Barra minn affarijiet oħra din tirrifletti diviżjonijiet kbar li għaddejjin bħalissa fil-Partit Nazzjonalista.

Nafu minn esperjenzi diversi, li l-ġenerali ta’ madwar il-Kap, li hemm numru mdaqqas, jħossuhom superjuri għal dawk li jagħtu ħinhom b’mod volontarju. Fil-fatt ir-riżultat li għaddejjin minnu fid-Dar Ċentrali hu li jinħass ħafna n-nuqqas ta’ volontarji li jagħtu l-għajnuna tagħhom. Din id-Dar minn dejjem kienet il-benniena ta’ ħafna nies li dejjem ħabbew lill-Partit Nazzjonalista u li kienu jħossuhom komdi jaħdmu bi tbissima fuq wiċċhom fl-uffiċini tad-Dar Ċentrali. Issa l-uffiċini svujtaw u hemm apatija kbira li qed tħalli l-bogħod nies li dejjem kienu joffru ħinhom. Dak li jiġri meta tħalli s-superjorita ta’ persuni tirrenja madwarek. Dak li jiġri meta jibdew ħerġin ordnijiet mħawrin b’ton arroganti. Dak li jiġri meta tersaq għal pożizzjonijiet biex tidher ħalli jekk il-Partit tiegħek jasal biex ikun fil-Gvern tibda’ tippretendi l-grazzi għax-xogħol li tkun għamilt. Dak li jiġri meta tidħol taħdem id-Dar Ċentrali, b’pagi li niddubita qattx rajna bħalhom, tikbirlek rasek għax taħseb li akkwistajt post ta’ awtorita’. Dak li jiġri meta għax mingħalik li ma jista’ għalik ħadd tibda tħares lejn ta’ taħtek, jew lejn dawk li lesti joffri ħinhom, b’arroganza bla preċedent. Li tiżra tħawwel jgħid il-Malti.

Tażżardawx tilgħabu mal-voti tal-kunsilliera b’dan il-mod għax tkunu qed tilgħabu man-nar. Tħalluniex nurtaw irwieħna. Jekk mingħalikom li l-Partit mingħajrkom ma jimxix għandkom żball kbir. Qed twasslu lis-sostenituri tal-Partit Nazzjonalista stess jitbiegħdu dejjem iżjed. Irriflettu fejn wassaltu lil dan il-Partit glorjuż, araw f’liema stat qiegħed u tindunaw li meta tikkomunikaw man-nies biex joffru l-ħin tagħhom, qabel tkellmuhom kunu ċerti li titfgħu ftit zokkor fuq ilsienkom. Il-Partit ikun b’saħħtu skond kemm il-voluntiera jagħtu sehemhom. Mingħajr il-voluntiera tistgħu żżarmaw.

Leave a Reply