Issir konferenza stampa dwar l-isptar ta’ Għawdex u l-kawża li qed jagħmel Adrian Delia fuq dan l-istess sptar ma tissemmiex
Blog post minn osservatur politiku
Bernard Grech sar Kap tal-Partit Nazzjonalista bl-għajta prinċipali li jrid jara partit magħqud, id-deputati kollha warajh, u d-deputati kollha jaħdmu f’unjoni ma’ xulxin. Minn dak li sar il-bieraħ, l-Erbgħa 16 ta’ Ġunju, wera kemm dan mhux minnu, imma għall-kuntrarju jsiru affarijiet biex b’mod maħsub u bi strateġija ppjanata, jkomplu joħolqu diviżżjoni bejn id-deputati bejniethom u jitfgħu dellijiet u nuqqas ta’ importanza fuq deputat partikulari.
Fl-istess ġurnata u fl-istess ħin kienu għaddejjin żewġ affarijiet ta’ importanza għall-Partit Nazzjonalista. Fil-Belt Valletta, f’awla fil-qorti, kien hemm Dr Adrian Delia jkompli għaddej bil-kawża tiegħu biex il-poplu Malti jerġa’ jieħu lura t-tliet sptarijet Maltin u Għawdxin. Fl-istess ħin ġiet organizzata konferenza stampa, fejn żewġ deputati u kandidata ġdida, xandru proposti fuq is-saħħa f’Għawdex.
Mistoqsija mistħoqqha, kien hemm għalfejn din il-konferenza ssir fl-istess ħin li deputat ieħor kien qed ikompli jiġġieled biex jieħu lura l-isptarijet, li wieħed minnhom kellu importanza kbira fil-konferenza stampa li saret? Bla ma trid ikollok tgħid li l-kattiverja li hemm fil-Partit Nazzjonalista hija xi ħaġa tat-twerwir. Infakkar li waqt l-aħħar seduta fil-qorti fuq l-istess suġġett, dak in-nhar u fl-istess ħin Bernard Grech kien xandar ir-reshuffle famuż tal-grupp parlamentari. Imbagħad jgħidu li dawn l-affarijiet ma jkunux maħsuba u ppjanati stratiġikament? Forsi jieħu l-intrigu li jirrispondi Alessandro Farrugia li huwa nkarigat minn dawn il-konferenzi.
Chris Said, il-kelliem prinċipali fil-konferenza, tkellem l-iżjed fuq l-isptar t’Għawdex. Qal li l-Partit Nazzjonalista se jinpenja ruħu, kif u meta jieħu l-Gvern, jieħu lura l-kontroll tas-Saħħa f’Għawdex biex jassiguraw li l-Għawdxin ikollhom servizz eċċellenti. L-ewwel proposta mxandra minn Said kienet li l-Partit Nazzjonalista jwaqqaf il-kuntratt ta’ privatizzazzjoni tal-isptar ġenerali f’Għawdex. Hawn jixraq kumment serju u pertinenti. Chris Said se jagħmel dan JEKK jieħu l-Gvern il-Partit Nazzjonalista. Jiġifieri jrid jerbaħ l-elezzjoni. Nixtieq nistaqsi lil Chris Said, x’jaħseb li se jiġi l-ewwel, li l-Partit Nazzjonalista jkun fil-Gvern jew li l-kawża li qed jagħmel Adrian Delia tispiċċa u tixxandar is-sentenza?
Skond dak li qed nisimgħu, in-numri ma tantx huma favur il-Partit Nazzjonalista, imma x-xhieda li ħierġa mill-qorti hija kollha favur Adrian Delia, allura favur il-Partit Nazzjonalista. Allura Dr Chris Said, li kieku ma ppjanatx din il-konferenza fl-istess ħin li konna qed nistennew l-aħbarijiet mill-qorti, kien forsi jkollok ċans tmur tagħti ftit għajnuna lil Adrian Delia, ħalli jieħu lura għall-poplu Malti u Għawdxi l-isptarijiet kemm jista’ jkun malajr. Imma hawn xi ħadd f’Malta u Għawdex li tgħaddilu minn xi kurutur ta’ moħħu, li Chris Said se jasal xi darba jagħti xi għajnuna lil Adrian Delia? Dak jasal biss wara li jitwieled xi ħmar li meta jikber ikun jaf jitla’ ma arblu!
Chris Said kompla jgħidilna kien hemm min staqsih, dan kif se tagħmlu jekk hemm kuntratt? Oħroġ il-għaġeb, dan semma l-ewwel rapport tal-Awditur Ġenerali li ħareġ sena qabel, imma ma semmiex il-kawża li kienet għaddejja l-qorti dak il-ħin. U le jaħasra twaħħlux fih miskin, għax Said ma kienx jaf li hemm il-kawża l-qorti!
Tant hi disgustanti din is-sitwazzjoni li kważi ddejjaqt nisma’ l-proposti l-oħra. Din l-attitudni mnejka neħħietli kull interess. Imma xorta bqajt nisma’ u mn’Alla għax kont nitlef il-biċċa tal-aħħar meta kellna ċ-ċirasa fuq il-kejk. Meta Chris Said fetaħ għall-mistoqsijiet għall-ġurnalisti, jien ħsibt li se jkollu numru tajjeb ta’ miostoqsijet. Ir-riżultat kien li kellu mistoqsija minn ġurnalist tal-PBS u pruvaw jaqbdu ma’ ġurnalist tal-Malta Today imma kien hemm problema teknika. Bi skantament kbir u ma titwemminx, għall-ewwel darba fl-istorja tal-Partit Nazzjonalista, issir konferenza stampa mill-Partit u ma ssirx mistoqsija minn ġurnalist minn NET TV.
Min jirnexxielu jifhem din l-enigma, nitlobkom tfehmu lill-poplu ħa jifhem. Forsi l-ġurnalisti marru l-Belt jistennew lil Adrian Delia jagħtihom l-aħħar aħbarijiet tal-kawża tiegħu fil-qorti. Forsi l-ġurnalisti kien jinteresshom iżjed ir-riżultat mill-qorti mir-riżultat ta’ Chris Said. Biss irrid nikkummenta wkoll li fuq in-NET news tas-6 ta’ filgħaxija, xi ħadd fil-Partit, għalkemm taw importanza lill-konferenza stampa ma ħassewx li dak li ġara l-qorti kellu jixxandar dak il-ħin. Almenu semmew xi ħaġa f’dak tas-7.30pm.
Biss din tal-lum kienet it-tieni konferma kemm il-kattiverja kontra Adrian Delia għadha b’saħħitha u valenuża. Id-darba l-oħra Bernard Grech, illum Chris Said. Sfortunatament u b’xorti ħażina għall-Partit Nazzjonalista ma tistenniex aħjar. Imma l-amministrazzjoni għadha ma fehmitx li n-Nazzjonalisti ddardru b’dawn il-mossi oxxeni u se jpattuha lill-Partit Nazzjonalista minħabba l-arroganza kkontrollabbli tal-istess amministrazzjoni.