Il-pulizija Ingliża affaċċjata minn skandlu ikrah: l-ebda politiku Ingliż ma qed jgħid li l-Ingilterra stat mafjuż!

Il-qarrejja ta’ dan is-sit għandhom jaqraw dan ir-rappurtaġġ tal-BBC biex jifhmu kif rapporti għandhom isiru u meta jkun hemm bżonn tikkritika lil tiegħek, ma toqgħodx taħsibha. Dan huwa artiklu ta’ ġurnalista li qed janalizza rapport f’għeluq inkjesta magħmula l-Ingilterra. Dan ir-rapport identifika ħafna nuqqasijiet u korruzzjoni ta’ kif il-pulizija metropolitana nvestigat qtil. Li huwa nteressanti f’dan ir-rapport hu li meta taqrah u tanalizzah, għalkemm joħorġu ħafna nuqqsijiet serji, ħadd mill-Parlament Ingliż ma qal li l-Ingilterra saret stat mafjuż. Ebda membru parlamentari ma mar jitkellem f’istituzzjonjiet internazzjonali jikkundanna, jgħajjar jew jattakka lill-pajjiżu jew biex l-Istat Ingliż jiġi mdaħħal f’xi lista sewda.

Araw xi ħadd semgħax lil xi membru ta’ xi awtorita’ Ingliża jew xi politiku Ingliż jiddikjara jew jinkwieta li s-settur tas-Servizzi Finanżjarji se jkollu xi effett jew ibati xi konsegwenżi negattivi riżultat ta’ dan ir-rapport ta’ inkjesta. Ir-raġuni ta’ dan huwa ovvju. Ma hemm ebda politiku li jipprova jirkeb jew jakkwista mid-deni tal-kondotta ħażina li forsi jkunu għatwew il-politiċi fil-Gvern. Lanqas tisma’ xi kummenti, dwar rapport ikrah għal kwalunkwe partit politiku fil-gvern, fl-istituzzjonijet tal-Parlament Ewropew.

Dan għaliex tgħid? Għaliex ebda politiku Ingliż ma jażżarda jitkellem barra minn pajjiżu kontra l-Gvern tiegħu stess. Lanqas ebda politiku, tal-Partiti fl-Oppożizzjoni ġewwa l-Ingilterra, ma huma se jlissnu xi kelma f’ebda istituzzjoni barra minn pajjiżhom, li tista’ twassal għal xi ħsara lill-Istat tiegħu. Jiena nistieden lill-qarrejja jaqraw dan l-artiklu, jekk mhux ukoll ir-rapport, għax hemm ħafna x’nitgħallmu aħna l-Maltin. Hemm messaġġ kemm lill-pulizija, lill-politiċi kif ukoll lill-istituzzjonijiet kollha f’pajjiżna. Is-sewwa jirrenja f’dan ir-rapport. Ebda wiċċ, ebda persuna f’xi pożizzjoni għolja, ebda politiku, li b’xi mod kellhom x’jaqsmu u naqsu, ma jeħlisha minn dan ir-rapport. Ir-raġuni hija sempliċi. L-inkjesta ma ħarset lejn wiċċ ħadd. Ħarset biss lejn il-ġustizzja.

Imma dan ir-rapurtaġġ jgħaddi tgħallimiet kbar lill-politiċi Maltin. Jekk il-politiċi f’pajjiżna, speċjalment dawk fl-oppożizzjoni, jaqraw u jirriflettu fuq dan ir-rapurtaġġ, jindunaw li kull min jaħbi, jigdeb jew iqarraq, il-ħin tiegħu jasal. Illum jew għada ssir il-ġustizzja. Biss dan jagħtina sinjal ukoll għaliex Malta qatt ma tista’ tkun stat b’saħħtu fl-Unjoni Ewropea. L-attitudni ta’ xi MEPs li jirrappreżentawna għandhom attitudni ħażina. Imma l-agħar li l-Partit Nazzjonalista fl-Oppożizzjoni baqa’ ma tgħallem xejn mil-iżbalji li għamel qabel. Baqa’ ma għarafx li dak il-ħafna paroli, ħafna mozzjonijiet, ħafna konfoffi, ħafna diskors negattiv dwar pajjiżna, ħafna dellijiet fuq istituzzjonijiet Maltin, ma huma qed jagħmlu xejn ħlief ikomplu jgħoddsu lil pajjiżna l-isfel u jxandru mal-erbat irjieħ tad-dinja li politiċi Maltin lesti biex iħammru wiċċ avversarji politiċi tagħhom, għax jaħsbu li b’hekk pajjiżna se jakkwista l-ġid. Qumu minn hemm rappreżentanti ta’ pajjiżna ġewwa l-istituzzjonijiet Ewropej u ftakru li l-ewwel jiġi l-pajjiż u mhux il-partit, bħalma tistgħu tifhmu jekk tindenjaw irwieħkom taqraw dan l-artiklu mhemuż.

https://www.bbc.com/news/uk-57484219?fbclid=IwAR0gW2ZnC2gM7Y3HUJjz5tW40jegY1BqEYrfBiQMX6rFpuV7D5GoMBE8myY

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *