Aaron Farrugia jagħti lezzjoni lill-Partit Nazzjonalista fuq l-ambjent

Blog post minn osservatur politiku

Il-Ministru Aaron Farrugia għamel diskors fil-Parlament, nhar it-Tlieta 15 ta’ Ġunju, meta kien qed jiftaħ id-dibattitu dwar l-estimi ta’ dħul u nfiq tal-Awtorita’ Maltija tal-Ippjanar għas-sena finanzjarja 2021. Dan il-Ministru stqarr li hu ma seta’ jirreferi għal ebda proposta min-naħa tal-Oppożizzjoni, allura ffoka l-kritika tiegħu fuq il-Green Manifesto li xandret Roberta Metsola. Min jgħid li Metsola għamlet sewwa li xandret dan il-manifest, ma jafx xi tfisser politika Maltija. Araw ir-riżultat ta’ dan l-iżball tattiku. Poġġiet lill-Partit Nazzjonalista u lill-kap tiegħu, Bernard Grech, f’sitwazzjoni mbarazzanti ħafna.

Bernard Grech lanqas jista’ jgħid li l-partit tiegħu se jkun qed ixandar fiż-żmien propizju l-proposti għall-ambjent, għaliex issa, l-ewwel li jrid jagħmel huwa li jistqarr jekk jaqbilx jew le mal-proposti ta’ waħda mill-MEPs tiegħu. Din it-tip ta’ politika jien insejħilha politika tat-titotla, tad-dilettanti. Biss wieħed irid jirrimarka li dak li għamel Aaron Farrugia meta tkellem, qal lil Roberta Metsola dak li Bernard Grech ma kienx kapaċi jgħidilha. B’dak li għamlet Metsola wrietna li l-politika tagħha hija totalment magħġuna fuq politika Ewropea u mhux politika adattata għat-toroq Maltin, magħmula minn politiċi li telgħu mill-Universita’ tat-triq f’Malta.

Il-Ministru rrefera għal dak li ppreżentat Metsola bħala ‘Fairytale Politics’. Huwa ssontanzja dan il-kumment billi qal li dak li pproponiet Metsola huwa kollu sabiħ fuq il-karta u jaqbel miegħu perfettament, imma jonqsu xi ħaġa mportanti ħafna, jonqsu li dawn il-proposti jkunu konkreti. Ebda politiku, kompla Aaron Farrugia, ma jista’ jitkellem għall-gallarija, jikteb dak li jogħġob lil kulħadd biex jaqla’ ċ-ċapċip, mingħajr ma jindika d-deċiżżjonijiet konkreti li jridu jittieħdu. Kemm hu sewwa li nirristawraw id-djar tagħna, ma naqtgħu ebda siġra, insibu alternattivi għat-traffiku tagħna, nirriċiklaw il-materjal tal-bini, inżidu l-enerġija solari, nagħtu possibilita’ liż-żagħżagħ li jixtru darhom, ma nħallux li Għawdex isir bħal Malta.

Dawn ma huma xejn agħajr is-seba’ proposti li ressqet Roberta Metsola. Kif qed taqraw, dan il-kliem kollu sabiħ imma ma hemmx sustanza. Qed nirreferi għall-prattiċita tal-proposti. It-Taljan jgħid ‘fra il dire e il fare c’e’ di mezzo il mare’. Kemm hu faċli li titkellem sabiħ u tagħmel proposti attraenti, imma huwa wkoll importanti li tgħid kif ser twettaqhom.

Kulħadd jaf joħlom. Kulħadd jaf iressaq affarijiet sbieħ. Kulħadd jaf jaħseb proposti li jolqtu l-għajn. Imma s-soluzzjonijiet fejnhom? Is-soluzzjonijiet isolvu l-problemi u mhux il-proposti. Waħda ma tistax titressaq mingħajr l-oħra. Biex proposta tiġi konsidrata bħala pożittiva u kredibbli mal-elettorat trid issir jew titressaq imlaħħma, inkella tkun qisek qed tressaq għadma fil-platt għall-ikel. Importanti li jekk il-Partit Nazzjonalista jrid joffri xi ħaġa, jrid jippreżenta opinjonijiet sostanżjati. U fuq dan il-qasam hemm ħafna xi tgħid. Imma kif jgħidu bl-Ingliż, fuq l-ambjent il-Partit Nazzjonalista qiegħed ‘missing the wood for the trees”.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *