Mario Galea jagħmel intervent f’waqtu dwar is-saħħa mentali fuq il-postijiet tax-xogħol

Blog post minn osservatur politiku

Niftakar tajjeb l-artiklu miktub għal dan is-sit fejn tkellem dwar kif il-klikka ta’ Bernard Grech tat il-ġenb lil Mario Galea fil-konferenza mogħtija mill-Partit Nazzjonalista dwar is-Saħħa Mentali. Parti minn dak l-artiklu rrefera li dan id-deputat jagħmel ħafna riċerka u jikkwota ħafna studji. Dan se nippruvah b’mod fattwali u nispera li l-amminstrazzjoni tal-Partit Nazzjonalista, speċjalment Alessandro Farrugia, jaqraw dan l-artiklu, anżi wkoll jkun aħjar li jisimgħu d-diskors tal-Parlament, biex jirrejalizzaw li la għandhom espert fuq is-suġġett misshom jituliżżawh mhux iwarrbuh. Mill-ewwel jindunaw kif dan id-deputat iressaq ideat u suġġerimenti utli li għandu jikkonsidrahom kull min ikun fil-poter.

It-Tnejn 14 ta’ Ġunju, fost liġijiet oħra, il-parlament iddiskuta l-estimi ta’ dħul u nfiq tal-Awtorita’ għas-Saħħa u s-Sigurta’ fuq il-Post tax-Xogħol għas-sena finanzjarja 2021. Wieħed mill-kelliema kien l-istess Mario Galea. Mario Galea fetaħ id-diskors tiegħu billi sellem lil fuq minn 3000 nurse li mietu matul il-pandemija madwar id-dinja. Iħoss għalihom għax hu nurse bħalhom.

Fil-bidu tad-diskors tiegħu Galea qal li se jħares lejn l-effetti tal-problemi tas-saħħa mentali fuq il-post tax-xogħol. Mill-ewwel beda jitkellem dwar l-evidenza studjata li turi li l-problema tas-saħħa mentali hija fost il-kawżi ewlenin ta’ problemi u inċidenti fuq il-post tax-xogħol. Galea kkwota minn studju magħmul fl-Universita’ ta’ Cornwall, dwar il-Mental Health Work Policy, terminu li bih ikejlu l-Positive Health Psychology Intervention. Dan l-istudju juri li minn kull 10 inċidenti fuq il-post tax-xogħol, 5 huma riżultat ta’ saħħa mentali.

Qalilna wkoll li minn dawk li jkorru, hemm 10% ta’ mwiet jirriżultaw minn fuq il-post tax-xogħol. Galea jkompli li studju, meħud minn The Iranian Journal of Public Health mill-Universita’ tax-Xjenza Medika ta’ Tehran, jgħid li dawk li qed ibatu minn mard mentali huma aktar f’riskju ta’ inċidenti. Skond iċ-ċentru ta’ Disease Prevention and Disease Control, magħruf mal-Ewropej bħala ECDC, fis-7 ta’ April 2019, qal li “untreated depression interferes with a person’s ability to complete physical jobs about 20% of the time and reduces cognitive performance about 35% of the time”.

Minn dan l-istess studju Mario Galea kkwota li “a mentally healthy workplace is one where workers and management collaborate to promote physical and mental wellbeing, safety and general wellbeing of all, maintaining a mental healthy workplace which involves continuously addressing health and safety issues including mental health and concerns for mental health in work environment”. Is-Sur Galea widdeb li jekk id-dipressjoni mhux kurata tibqa’ l-kawża prinċipali ta’ suwiċidju. Huwa qal li qed jitkellem mhux biss bħala deputat imma bħala persuna li jgħid pubblikament li jbati minn problemi ta’ saħħa mentali, fosthom dipressjoni u anzjeta’.

Għalhekk ir-riċerka tiegħu hija konċentrata fuq dan is-suġġett. Huwa saħaq li kura għad-dipressjoni għandna u huma ħafna li meta jirċievu l-kura jħossuhom aħjar. Imma skond statistika nazzjonali u internazzjonali, 70% tal-morda ma jieħdux il-kura adegwata għad-dipressjoni. Ħafna drabi dan ma jsirx għax jibżgħu li jiġu ttimbrati u mwarrba mis-soċjeta’. Huwa kkonferma li dik hija r-raġuni prinċipali għaliex hu jitkellem pubblikament fuq hekk, għax huwa fatt magħruf, li meta nies fil-ħajja pubblika jitkellmu, jħajru oħrajn biex jieħdu l-kura.

Mario Galea ammetta li żball ieħor li t-tobba, nurses u nies fil-mediċina jagħmlu huwa li jużaw il-medical model u ma jintużax il-biopsychosocial model illi jħares lejn il-persuna sħiħa. Galea kompla li ħafna jgħidu li dan huwa ovvju. Imma huwa stqarr li mhux. Spjega li l-bniedem jgħix mingħajr kilwa, marrara jew pulmun, imma żgur li ma jgħix mingħajr moħħ. Bħala prova konkreta Galea qal li meta l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa fl-1948 kitbet il-kostituzzjoni tagħha, din l-Għaqda fid-definizzjoni qalet “A state of complete physical, mental and social well being and not merely the absence of disease or infirmity”.

Mario Galea qal li dawn kienu ftit ħsibijiet tiegħu. Huwa saħaq li xi darba rridu nibdew norbtu ftit is-saħħa mentali mad-disgrazzji li jsiru fuq il-post tax-xogħol. Imma ammetta li din ma tistax issir mil-lum għall-għada. Galea sostna li għandu jkun hemm Mental Health Policy fuq il-post tax-xogħol. Hawn għamel suġġeriment lill-Ispeaker tal-Kamra u appellalu biex forsi joħodha f’idejh din l-inizjattiva. Huwa qal li policy bħal din tagħmel ħafna ġid, għax ħadd ma jiddejjaq jitkellem, jonqos in-numru ta’ ġranet meta dawn l-individwi ma jmorrux għax-xogħol, jonqsu s-suwiċidji.

Fuq kollox din il-policy tnaqqas l-effett fuq il-familjari u nies oħra madwar il-persuna milquta minn dan il-mard. Mario Galea għalaq l-intervent tiegħu b’kelma ta’ kuraġġ lil ħutu li huma maħkumin mill-mard mentali. Inkuraġġihom ma jiddejqux jitkellmu fuq dak li jħossu u fuq kollox ma jiddejqux jirrikorru għall-għajnuna tal-professjonisti.

Grazzi Mario Galea u nispera li dawk fid-Dar Ċentrali li eliminaw lill-espert fil-qasam mill-konferenza mxandra, jiftħu għajnejhom, jieħdu nota u speċjalment Alessandro Farrugia joqgħod attent li ma jarmix nies riċerkaturi, allura esperti fil-qasam tagħhom. Sieħbi Alessandro, il-ħobż tih lil min jaf jieklu.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *