Jason Azzopardi sar l-iben il-ħali tal-Partit Nazzjonalista

Blog post minn osservatur politiku

Jeżistu ħafna nies li wara li jirriflettu ftit jindbu minn dnubiethom. Kull persuna tħoss li tkun għamlet xi ħaġa tajba meta tagħmel dan it-tip ta’ eżerċizzju tal-kuxjenza. Imma hemm min jgħidlek kemm ikun ħafna aħjar li qabel tparla jew tikteb tirrifletti fuq dak li se tagħmel. Kieku jitwarrab ħafna nkwiet. Jiġi meħlus ħafna ħsara. Ma jkunx hemm għalfejn tiddikjara jew tikteb li tkun għamilt ħażin. L-aktar ukoll li ma jkollokx għalfejn tammetti dnubietek u lanqas toħroġ ta’ giddieb jew ta’ mazetta ma ħadd. Imma l-bniedem jibqa’ bniedem u ħafna drabi lsienna ikbar minn fommna jew il-pinna tiġri bina. Il-karattru jikxiflu għawwaru lil dak li jkun. Imma jien ma nistax naċċetta fatt, dak li tkun taf li se tgħid il-gideb u tgħidu xorta waħda biex tasal għall-skopijiet tiegħek. Jien diffiċli nġerraħ lil xi ħadd li jkun jaf li qed jiżbalja, għal darba, darbtejn, tlieta, u jibqa’ jiżbalja, l-importanti li jkun għamel ħafna ħsara. Wara jammetti biex inaddaf il-kuxjenza imma l-ħsara ma titħassarx. Ebda gomma maġika ma tasal biex twarrab jew tisparixxi d-deni li jkun sar. Jiddispjaċini imma din ma naċċetta qatt mill-politiċi.

Karmenu Mifsud Bonnici kien jgħid li meta titfa’ t-tajn xi ħaġa teħel. Billi jagħmluli libell imma dak li nkun għidt jilħaq l-iskop tiegħu sa meta niġi biex inħallas id-danni tagħha, jekk inħallas. Dik filosofija li lili ma ddoqqli xejn u nistmerr lilha u lil min jużaha. Għalhekk huwa diffiċli ħafna li jien inġerraħ lill-Avukat Jason Azzopardi. Ħadt pjaċir immens li bela’ kull ma qal fid-dikjarazzjoni konġunta li hu ħareġ ma’ Adrian Delia fejn kien hemm iffirmat, iswed fuq l-abjad, dikjarazzjoni li fiha ċaħad dak kollu li qal, allura gideb, fuq Adrian Delia.

Kif qatt xi darba nafda lil dan l-avukat, kemm fil-linja legali tiegħu u aktar u aktar bħala politiku. Dak inhar li ħarġet dik id-dikjarazzjoni stennejt b’ħeġġa r-riżenja tiegħu u stennejtu jisparixxi minn fuq ir-radar politiku għal kollox. Imma ħlomt ikrah u baqa’ f’wiċċi. Imma jien ħriġt ta’ raġel għax qatt ma emmintu u bqajt nagħti l-appoġġ tiegħi lil Adrian Delia u Dr Jason Azzopardi ħareg ta’ giddieb bil-pedigree u pulċinell tal-għola statura.

Jiena nħoss li l-Partit Nazzjonalista, meta jkollu persuna, li ffirmat stqarrija ta’ gideb sfrenat li wassal għal ħsara enormi fil-Partit stess, ma jista’ qatt jersaq quddiem il-poplu b’trankwillita’ u onesta’. Dan il-politiku giddieb, bil-firma tiegħu stess, ma jistax jirrapreżenta lanqas bħala kandidat lil-Partit Nazzjonalista. Jiddispjaċini ngħid li jien ma nista’ qatt iżjed inħossni komdu b’kandidat bħal dak fuq il-karta tal-vot f’isem il-Partit tiegħi.

Imma xi ġralu dan l-aħħar? Naħseb li ħabat rasu waħda sew. Qed toħroġ mill-kuruturi tal-parlament, informazzjoni li Dr Jason Azzopardi jinsab diżappuntat għall-aħħar b’kull ma għamel biex ittajjar Adrian Delia. Huwa wieħed minn dawk il-ħafna deputati li qed jistqarr li għamel żball kbir ħafna li neħħa lil Dr Delia u poġġa lil Dr Bernard Grech. Qed jgħid li tant kien iċċajpar moħħu bl-odju għal Kap tiegħu stess, li qed jirrejalizza l-iżbal enormi li hu għamel. Fil-fatt, meta tkellem ma xi kollegi u ħbieb oħra, hu qal li l-ikbar żball li għamel f’ħajtu kien li ħadem kemm felaħ biex itajjar lil Adrian Delia.

Kif jgħid il-Malti l-baqra ħrat. Issa trid tmur għand il-kostitwenti tiegħek, bħalma qed tgħid li qed tagħmel, u tammetti dnubietek. Kieku jien mid-distrett tiegħek u ma turinix kemm verament qed tħossok diżilluż, iddispjaċut u li ndibt minn dnubietek, minn għandi żgur li ħdejn ismek ma jinkiteb ebda numru, la l-ewwel u lanqas tal-aħħar, fuq il-karta tal-vot.

Leave a Reply