Il-Partit Nazzjonalista spiċċa bla voluntiera

Advertisements

Blog post minn osservatur politiku

Dr Michael Piccinino, is-Segretarju Eżekuttiv Organizzattiv tal-Partit Nazzjonalista, qed jitlob ħafna għajnuna biex jiġu nfilsati xi karti fl-envelopes. L-impressjoni li qed nieħu hija li ma tantx qed isibu għajnuna. Dan qed ngħidu għax fil-messaġġ tiegħu kiteb ‘min jista’ jgħin jew jaf lil min jista’ jgħin’. Jiġifieri hu ma jafx biżżejjed nies biex ikollu kemm għandu bżonn.

Diskors bħal dan iqabbadni l-kurżita. Jiena kont parti minn VNet tal-Partit Nazzjonalista. Din kienet tikkonsisti minn dawk il-voluntiera kollha fi żmien Dr Simon Busuttil. Saħansitra kellna wkoll il-flokk biex kulħadd jagħrafna. L-imsemmija Marisa Abela kienet id-direttriċi tal-banda VNet u kienet tagħtina l-ordnijiet neċessarji. Ħalli nistaqsiha xi mistoqsijiet lil Marisa Abela. Fejn marru dawk l-1500 voluntier li kont tant tiftaħar bihom fi żmien Simon Busuttil? Veru li kont għidtilhom kollha biex ma jersqux ‘l hemm meta laħaq Dr. Adrian Delia? Issa li spiċċa Dr Delia, u laħaq il-magħżul tiegħek, għax ma għidtilhomx jiġu lura u jerġgħu jibdew jgħinu lill-Partit? Jaqaw tant tnejjiktu bihom, li allavolja ħlist minn Delia li ma kontx taħmel pinġut, xorta ma humiex qed jafdawk li ma jridux jersqu ‘l hemm iżjed?

Dr Piccinino kull ma trid tagħmel tmur fl-uffiċċju ta’ Marisa Abela, titlobha l-lista tal-voluntiera, nispera li ma qattagħtiex fi żmien it-tmexxija ta’ Dr. Delia, u ċċemplilhom personalment. Jew inkella tqabbad lilha ċċemplilhom. Hekk jew b’hekk huma kienu jgħidu li minn għandha biss jieħdu ordnijiet, u jagħmlu dak biss li tgħidilhom hi. Qed tara Dr Pullicino meta tgerrxu n-nies mid-Dar Ċentrali kif tispiċċa. Issa int qed tbati l-konsegwenzi tal-azzjonijiet kollha li għamlet is-sinjura Abela, suppost voluntiera, kemm ilha d-Dar Ċentrali. Jiena bniedem darba jgħidli biex nisparixxi. La nisparixxi darba nisparixxi għal dejjem. Jiena m’hiniex taż-żejjed u n-nieqes u ma naqdix bniedem u ma naqdix ieħor.

Kemm qattgħu siegħat fid-Dar Ċentrali u kemm għinu fuq il-fosos waqt il-festi tal-Indipendenza, dawk li kienu hemm fi żmien Simon Busuttil. Kull meta ltqajt ma xi wieħed jew waħda minnhom, dejjem qaluli li la hemm Delia, huma ma jersqux lejn id-Dar Ċentrali. Fejn kienu jafu min hu Dr Delia dawn? Żgur li lanqas ħadd minnhom qatt ma semgħu b’Dr Delia. Allura żgur li ġew influwenzati minn xi ħadd. Tgħid id-dikjarazzjoni li kien għamel Simon Busuttil kienu belgħuha verbatim? Tgħid baqgħu jemmnu lil Simon Busuttil li Daphne Caruana Galizia kellha raġun f’kollox?

Qed ngħid hekk għax dawn in-nies kienu saru parti minn dawk li jipparteċipaw fil-protesti u fil-kommemorazzjonijiet li kienu organizzati mis-Soċjeta Ċivili. Xi kultant naħseb li baqgħu mpressjonati ħafna minn Simon Busuttil li kien rikeb il-karru ta’ Daphne Caruana Galizia u għadu ma nizilx minn fuqu sa llum.

Nawguralek Dr Piccinino li ssib ħafna iżjed voluntiera milli għandek bżonn. Biss xorta se nagħtik parir bla ħlas. Jekk jirnexxielek tgħaqqad xi voluntiera tafdahomx f’idejn Marisa Abela, għax tkun qed tissogra li terġa’ tħarbathomlok.