Il-Kunsill ta’ San Ġiljan jirreaġixxi kontra is-sindku tiegħu stess talli rrifjuta fondi ġejjin mill-proġett tad-DB

Ftit tal-jiem ilu tellajt artiklu dwar dak li qal is-Sindku ta’ San Ġiljan, Albert Buttigieg, meta waqt il-laqgħa li saret il-Ħamis li għadda ġewwa l-Awtorita’ tal-Ippjanar u matulha ġie approvat il-proġett tad-DB ġewwa San Ġiljan, is-sindku qal li ma jridx il-flus li l-iżviluppaturi ser ikunu obbligati jħallsu skont il-liġi tal-ippjanar u li dawn imorru għall-Kunsilli Lokali milquta għaliex hu ma jinxtarax. Dan l-artiklu xegħel bożża ħamra fost il-kunsilliera tal-lokal ta’ San Ġiljan tant li l-bieraħ saret laqgħa tal-Kunsill li matulha ġiet diskussa din id-dikjarazzjoni unilaterali tas-sindku li saret mingħajr mal-kunsilliera l-oħra kienu nfurmati.

Infakkar li mal-approvazzjoni ta’ dan il-proġett hemm marbuta 1.2 miljun biex imorru favur ir-residenti milquta mill-proġett. Il-kunsilliera ta’ San Ġiljan qed iħossu li r-rifjut tas-sindku li jieħu parti minn dawn il-flus għaliex, skont hu ma jinxtarax, huwa diskors barra minn loku għaliex, bħal li kieku, kull kunsill li ħa xi flus minn żviluppi fil-passat, ħadhom għax inxtara!

B’hekk meta l-bieraħ kien imiss il-laqgħa skedata ta’ kull xahar tal-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan, fost il-ħafna materji li ġew diskussi kien hemm propju din il-kwistjoni tal-fondi. Wara l-kjass li qajjem dak l-artiklu, is-sindku ġie mġiegħel jagħmel dikjarazzjoni lill-Kunsill fejn qal li wara li l-bord ivvota għal fejn għandhom imorru l-fondi tal-ippjanar ġenerati minn dan il-proġett, is-sindku qal li huwa jaccetta li dawn il-fondi jmorru għand il-Kunsill ta’ Pembroke.

Albert Buttigieg reġa’ saħaq, waqt din il-laqgħa, li hu, per prinċipju, ma jistax jaċċetta dawn il-flus, għaliex iħoss li huwa mhux għall-bejgħ u ma jinxtarax. Dan jikkonferma dak li għidt jien il-ġimgħa li għaddiet. Dan il-kumment ma ntlaqgħax tajjeb kemm mill-kunsilliera Laburisti imma anki minn dawk Nazzjonalisti.

Kif wieħed jifhem, dawk tal-Lejber kienu aktar ħielsa li jitkellmu. Infatti, minn informazzjoni li għandi, din id-diskussjoni ġie miftuħa mill-minority leader Laburista tal-Kunsill ta’ San Ġiljan, Adrian Ellul, fejn qal li huwa ma jistax jifhem dan il-kliem. Hu fakkar fl-iskop ta’ dawn il-fondi hu li jingħataw biex il-kunsilli jkunu jistgħu jagħmlu xogħol ta’ tisbiħ u ta’ fejda fil-kommunita’ sabiex ipattu għall-iżvilupp li jkun qed isir fil-lokalità. tagħhom. Ix-xiri u l-korruzzjoni li allega s-Sindku m’għandha x’taqsam xejn ma dan il-fond!

Jidher ukoll li l-bqija tal-Kunsilliera Laburisti u dawk preżenti f’Kunsill b’maġġoranza Nazzjonalista approvaw dan il-kliem għaliex ma setgħux jifhmu kif is-sindku kien qiegħed jirrifjuta fondi li setgħu biss jissarrfu f’ġid lir-residenti tal-lokalità ta’ San Ġiljan! Anki għaliex il-maġġoranza tal-proġett se tkun qegħda ssir fuq żona li tiġi taħt ir-responsabbiltà ta’ San Ġiljan.

Is-Sindku wara dan kellu jirtira minn kliemu, hekk kif il-Kunsill iddeċida li se jkompli joġġezzjona għal dan il-proġett u jipparteċipa fil-proċess ta’ appell immexxi minn bosta Kunsilli Lokali u għaqdiet non-Governattivi oħra, filwaqt li se jfittex ukoll parir legali jekk id-deċiżjoni li l-Kunsill ta’ San Ġiljan ma jingħatax fondi, minħabba din id-dikjarazzjoni tas-sindku, għandhiex tiġi appellata.

Leave a Reply

Your email address will not be published.