X’inhuma jgħidu llum numru ta’ deputati Nazzjonalisti li kienu wara t-tkeċċija ta’ Adrian Delia?

Blog post minn osservatur politiku

Numru mdaqqas ta’ deputati Nazzjonalisti, fosthom anke dawk li kienu parti mill-klikka tar-ribelli, li qattgħu tliet snin jiġġieldu u jagħmlu ħilithom biex itajru lill-kap tagħhom, illum iddispjaċuti ħafna għal dak li għamlu. Dan huwa diskors li qed jintqal meta jinżertaw flimkien, kemm fil-plenarja ġewwa l-Parlament, kif ukoll barra minn din il-kamra tant għolja fil-pajjiż. Hemm minnhom li jixtiequ jibdew iħabbtu rashom mal-ħajt għall-għaġla tagħhom meta kienu f’dak iż-żmien ta’ dlam. Hemm oħrajn qed jgħidu kemm konna aħjar meta mingħalina li konna agħar. Sirna qisna ‘headless chickens’ qal ieħor minnhom. ‘La bidu u lanqas tmiem’ kompla deputat ieħor. ‘Ma nafux fejn se naqbdu nagħtu rasna’, lissen ieħor. Dawn huma l-kummenti li qed jingħadu fil-widnejn bejn id-deputati tal-Partit Nazzjonalista. Dan huwa diskors indirizzat lejn it-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista minn uħud mid-deputati li riedu l-bidla. Kummenti li qed jagħtu stampa ċara ta’ kif qed imexxi jew kif qed jitmexxa Bernard Grech mill-ġenerali li għandu madwaru.

Imma issa tridu turuna jekk intomx irġiel u nisa ġenwini billi trabbu l-kuraġġ u tgħidu, dak li qed tfesfsu fil-widnejn bejnietkom, fuq Facebook u fil-pubbliku. Dan id-diskors irid jasal għand dawk it-tesserati u n-Nazzjonalisti kollha li ġew ingannati. Kien fommkom li qarraq bit-tesserati. Kien moħħkom li ta l-impressjoni li kontu tafu x’qed tgħidu. Kien il-gideb tagħkom li ġagħltu lil ħafna nies jemmnuh. Kontu intom li għidtu lill-partitarji biex jimitawkom. Kienet il-konvinzjoni tagħkom, meta kontu tgħidu li l-Partit Nazzjonalista ser ikun aħjar wara li jinbidel il-kap, li wasslet biex il-kunsilliera u t-tesserati qamu għall-okkazzjoni bla preċedent, biex għamlu dak li kontu qed titolbu minnhom.

Illum, issa x’se tagħmlu? Issa t-tesserati jridu direzzjoni minn għandkom. Nispera li din id-darba tkunu sinċiera, maħsuba sew, riflessa fuq il-fatti, mhux mibnija fuq gideb u ngann, li ma jkollhiex aġenda moħbija, mhux mitmuwa lilkom minn dawk li jsegwu l-agenda ta’ Daphne Caruana Galizia u min-nies li jħaddnu kliemha qisu xi vanġelu lluminat. Tnejjiktu bina biżżejjed. Għaddejtuna biż-żmien bl-atti anġeliċi tagħkom. Ġibtuna nitkellmu waħidna meta bellajtulna dak il-gideb kollu fuq il-Kap Adrian Delia. Pruvajtu tpinġuh qisu xi aljen, bniedem bla moħħ u bla raġunament. Bniedem li jobgħod lill-familtu, li jobgħod saħansitra lill-partit tagħna stess, bniedem mixtri mill-avversarji politiċi tagħna, u tant affarijiet oħra li llum nafu li vvintajtu fuqu. Dawk li qagħdu għal kliemkom issa jridu sodisfazzjon. In-Nazzjonalisti li dejjem imxew wara l-arma, wara l-bandiera, wara kull kap, issa jridu jkunu jafu r-raġunijiet għaliex għamiltu dak li għamiltu. Illum qabel għada tridu turuna kemm verament tħobbuh il-Partit Nazzjonalista. Tridu turuna jekk il-ġenwinita’ tagħkom tiżboqqx l-aġenda personali tagħkom. Tridu turuna jekk intomx veru għas-servizz tal-poplu u tan-nies kollha tramite l-Partit Nazzjonalista jew intomx tinqdew bil-partit għall-avvanz tagħkom.

Is-soluzzjoni f’idejkom. Bħalma ħloqtu rebus fil-partit fit-tliet snin ta’ Adrian Delia, issa tridu taraw kif se tiġbru lill-partit mill-abbissi li waqqajtuh fih. Issa tridu turuna kif se ssolvu din il-problema li ġibtuha b’idejkom u tgħidulna li l-midluk tagħkom ma fihx ħobż, taraw min se jwassalna u jmexxina biex niffaċċjaw lill-avversarji tagħna fl-elezzjoni li ġejja, li bi kliemkom stess qed tgħidulna li dan ir-ragħaj mhux idoneju, tridu tgħidulna min almenu jista’ jurina xaqq ta’ dawl, li tista’ tissarraf f’tama, li nistgħu nkunu avversarji politiċi denji.

2 comments

  1. Semplici s soluzzjoni, rizultat car tal-ingann u l-gideb ergghu igbru il-firem, sejhu kunsill Generali sfiducjaw lill min haqqu u onoraw lill min b qerq gie imwarrab .
    Dik tkun vera pagna gdida. Inkella minn issa aqbdu id f id idhlu ilkoll fejn id destinajtu lilkom infuskom fil-hajt.

Leave a Reply