It-tweġiba tiegħi lil Albert Gauci Cunningham għala l-Partit Nazzjonalista ma jistax jaqbad art

Blog post minn osservatur politiku

Nhar il-Ħadd 13 ta’ Ġunju fl-Illum, Albert Gauci Cunningham qalilna għaliex il-Partit Nazzjonalista ma jistax jieħu r-ruħ. Meta dan il-partit ħaseb li se jibda’ jara xaqq dawl, malajr deher ċar li l-ftit tama li kellu ntfiet, kif in-numri tal-pandemija bdew nieżlin, l-poplu reġa’ tħeġġeġ bil-kunfidenza u reġa’ rrenja l-partit fil-Gvern.

Bilfors irridu niftakru li wara li Lawrence Gonzi tqanżaħ biex rebaħ l-elezzjoni ġenerali bi ftit iżjed minn elf vot fl-2008, sena wara qala’ l-ewwel damdima tajba fl-2009 fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew b’35,000 vot. Ilu minn dak in-nhar li l-votant nazzjonalist abbanduna lill-Partit Nazzjonalista, għaliex minn dak in-nhar ‘l hawn għadu ma nġabar fl-ebda tip ta’ elezzjoni. Irridu niftakru wkoll li minn dak in-nhar ‘l hawn tbiddlu erba’ kapijiet.

Dan il-ġurnalist qalilna li l-problema mhux il-kap, imma l-kap jista’ jkun parti mill-problema. Tlettax-il sena ta’ telf kbir u erba’ kapijiet, nemmen li r-raġuni prinċipali żgur mhux il-kap. Il-kap jista’ jimbotta, imma kif jgħid l-Ingliż, inutli tressaq iż-żiemel lejn l-ilma jekk jiddeċiedi li ma jridx jixrob. Gonzi fnietu l-arroganza tan-nies ta’ madwaru. Arroganza ta’ kabinet u individwi oħra, li kollha tellgħalhom għal rashom u litteralment bdew jaraw lil kulħadd dubbien. Kellek nies li qabel l-elezzjoni tal-2013 li suppost kienu fis-sezzjoni tal-customer care tal-Partit Nazzjonalista, kienu saħansitra joffendu lill-elettorat waqt xi telefonata. Din esperjenzajtha jien stess allura ħadd ma jista’ jmerini.

L-arroganza ħakmet lill-membri tal-Gvern u tferrxet mal-kuruturi u fl-uffiċini tad-Dar Ċentrali. Niġbed l-attenzjoni li tajjeb wieħed jara min kienu d-deputati ta’ madwar Gonzi u kulħadd jistaqsi lilu nnifsu, imma dawn x’għamlu wara telfa bħal dik? Dabbru rashom ma’ Gonzi jew baqgħu kkakmati mal-poter fi ħdan il-Partit Nazzjonalista? Ir-risposta kulħadd jafha.

Sfortunatament, għalkemm tbiddel il-Kap, u daħal persuna li ftit li xejn kellu esperjenza fuq il-politika Maltija, l-atteġġjament ma tantx tbiddel. Busuttil rabat iż-żejjed il-partit mal-karru tal-korruzzjoni, b’mod kważi esklussiv. Il-poplu wrieh li jekk mhux se jibdel ir-rotta u jagħti viżżjoni lill-Partit Nazzjonalista, il-poplu se jerġa’ jmeku. Simon Busuttil ma tgħallem xejn mill-elezzjonijet preċedenti u sfortunatament lanqas mit-telfa li ġarrab hu stess fl-2014 fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew. Bla dubju webbes rasu, intrabat mal-karru tas-Sinjura Daphne Caruana Galizia, u mexa b’saħħa fuq il-passi tagħha. Kien jemmen li l-korruzzjoni mingħajr viżjoni kienet se trebbħu. Meta tiffissa fuq politika negattiva, din tkaxkrek magħha. Imma mhux talli għamiet lilu imma fil-fatt kaxkret ukoll lill-Partit Nazzjonalista li kien imexxi. Il-poplu ma kien impressjonat xejn bl-għajta tal-korruzzjoni, b’tali mod li tah l-ikbar damdima.

Min kienu d-deputati ta’ madwaru? Ħafna minnhom baqgħu l-istess li kienu madwar Gonzi. U għal darba oħra, ma għadditilhomx mill-ebda kurutur ta’ moħħhom li jaċċettaw li bħal Dr Busuttil huma kellhom jerfgħu r-responsabilita’. Imma la Simon Busuttil u lanqas dawk ta’ madwaru ma’ abbandunaw il-parlament. Ma tarax jiddeċiedu li ma jibqgħux jerdgħu!!

Fuq Adrian Delia naqbel ma dan il-ġurnalist. Wiċċ ġdid fil-Partit Nazzjonalista li xtaq jiġġieled fuq diversi fronti u mhux il-korruzzjoni biss. Imma Daphne Caruana Galizia, forsi wkoll bl-għajnuna minn ġol-partit stess, iddeċidiet mod ieħor. Ir-riżultat ta’ dan l-attakk wassal għal telfa kbira oħra fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew. Dan kien jonqoshom numru ta’ deputat fuq in-naħa tiegħu ngħaqdu mas-Sinjura Caruana Galizia u żiedu l-attakk fuq persuna li kien intagħżel minn vot demokratku tat-tesserati. Għal darba oħra l-istess nies. Tkisser Gonzi, tkisser Busuttil, tkisser Delia imma xorta għadhom hemm.

Imbagħad inwaħħlu fil-kapijiet. Issa dawn in-nies sfiduċjati għal darba, darbtejn, tlieta poġġew lil Bernard Grech fit-tmun. Tbiddel xi ħaġa? Le. In-numri għadhom l-istess. Kienu aħjar għal ftit imma erġajna koppi. Jidher li l-Partit Nazzjonalista riesaq lejn damdima oħra. U għal darba oħra l-Partit Nazzjonalista ikun ħa din id-damdima b’dawk l-uċuh li għadhom hemm sa minn żmien Gonzi.

Imma kif huma daqshekk stinati dawn in-nies? Kif jista’ jkun li dawn in-nies ma jeħduhx il-messaġġ? Kif jista’ jkun li dawn in-nies mċappsin ma’ telfiet kbar, sena wara sena, għandhom il-wiċċ jersqu għal darba oħra quddiem l-elettorat? Kif jista’ jkun li dawn jaħsbu li mingħajrhom il-Partit Nazzjonalista lanqas ikollhom kandidati biżżejjed? Ħarsu ftit lejn kif miexi jew qed jitmexxa l-Partit Nazzjonalista llum. Fejn hi l-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista fuq il-kannabis? X’qal il-Partit Nazzjonalista fuq il-mozzjoni dwar l-abort li resqet Marlene Farrugia? Kif ser iwieżen il-but tal-poplu jekk jieħu l-gvern? X’pożizzjoni għandhom fuq l-ewtanasja? Kif ma qal kważi xejn fuq il-proġett tad-DB jew fuq dak li qed jagħmel Portelli (l-Għawdxi)? X’inhi l-pożizzjoni ċara u bla kantunieri fuq l-immigranti llegali?

L-aħħar mistoqsija hija din. Fejn spiċċa l-entużjażmu ta’ partit glorjuż? Fejn sparixxew dawk in-nies kollha li kienu jiġru wara l-bandiera? It-tweġiba tagħtiha l-aħħar maratona fejn il-messaġġ tal-poplu kien ċar, dejjaqtuna u qażżistuna!

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *