Għaliex hemm interess li Peter Agius jinħaraq politikament?

Blog post minn osservatur politiku

F’dan l-artiklu nixtieq inkompli fuq dak li ktibt u ġie ppubblikat il-Ħadd, jiġifieri li Peter Agius qed jissemma għal Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista. Dak li laqatni li ma kien hemm l-ebda reazzjoni jew ċaħda ta’ dak li ktibt. Jiġifieri din mhix fake news. Dan jagħtini opportunita’ biex nelabora aktar fuq din il-mossa l-politika.

Din hija mossa li qed tħares lejn elezzjoni futura tal-membri tal-Parlament Ewropew. Din hija mossa ta’ xi ħadd li jrid jirristrinġi l-parteċipazzjoni tal-istess Peter Agius fl-elezzjoni Ewropea li jmiss. Kif għidt fl-artiklu, Peter Agius qed ikun ta’ għajnuna kbira lil xi sezzjonijiet Maltin u Għawdxin, li hija turija li dan l-avukat qed jaħdem ħafna biex isib postu fil-parlament ewropew fl-elezzjoni li jmiss. Allura jien nasal biex nifhem li hemm id moħbija wara din il-mossa kollha. Jiena nħoss li din hija mossa maħsuba fi Brussel stess, minn xi ħadd li jibża’ li meta jerġa jersaq quddiem l-elettorat għall-ġudizzju, qed iħossu li se ikun eliminat mit-tellieqa għax Peter Agius jidħol b’ċans tajjeb li jieħu postu fil-Parlament Ewropew.

Hemm raġuni validissima għaliex qed jagħmel hekk. Min qed jagħmel din il-manuvra jaf li l-istatut tal-Partit Nazzjonalista jgħid li kull min jidħol għall-pożizzjoni ta’ Segretarju Ġenerali ma jkunx jista’ jikkandida ruħu għal ebda elezzjoni. Mela minn għandu interest u qed jagħmel ħiltu biex iressaq ‘l quddiem l-isem ta’ Peter Agius bħala Segretarju Ġenerali jrid b’mod awtomatiku jnaqqas iċ-ċans ta’ dan il-kandidat li jeħodlu postu fi Brussel. Il-ġlieda hawn hija għal voti. Ma hemmx dubju li Peter Agius qed jidher bħala avversarju politiku li qed jaħdem ħafna u qed ikun ammirat minn ħafna Maltin u Għawdxin.

Qed taraw kif taħdem il-klikka! Din hija klikka ta’ ħokli dahri ħa nħokklok tiegħek. Kelli raġun ngħid li Alex Perici Calascione li qed jimbotta lil Peter Agius. Perici Calascione għandu ż-żiemel tiegħu fi Brussel u għandu l-interess li dan iż-żiemel ma jitlifx postu fl-elezzjoni li ġejja. Mhux bil-fors, membru tal-klikka jaqbeż għal membru tal-klikka tiegħu stess. Dawn ma tistax tifridhom minn xulxin. Dawn klikka waħda bi ħsieb wieħed li jibqgħu jirrenjaw huma.

U hija din ir-riflessjoni li twasslek għall-istrateġija tal-klikka. Iridu jpoġġu lil Peter Agius Segretarju Ġenerali biex jinħaraq, bħala parti mal-amministrazzjoni, bit-telfa mistennija fl-elezzjoni ġenerali li ġejja kif ukoll bħala Segretarju Ġenerali ma jkunx jista’ jikkontesta għall-elezzjoni Ewropea fl-2023.

Din il-klikka hija kolpevoli għal dak li ġara fil-Partit. Huma t-tesserati li jridu jiftakru f’dawn il-mossi u dawn l-intriċċi, meta fil-ġurnata tal-ġudizzju jiġu biex jivvutaw. Biex il-Partit jieħu r-ruħ, din il-klikka valenuża li qerdet il-Partit Nazzjonalista, trid tisparixxi darba għal dejjem. Qed jidher ċar kemm il-klikka ma tatx każ lil min ipoġġu fuq is-siġġu tat-tmexxija, basta jintlaħaq il-pjan li jittajjar Dr Adrian Delia. Sa hemm jaslu dawn in-nies. Dawn huma nies li ħlief jikkonfoffaw ma jagħmlux. Dawn huma nies li sakemm jaslu għal dak li jkun qed iberren f’moħħhom, lanqas biss jindenjaw ruħhom jagħtu każ tal-ħsara li tista’ issir lill-Partit Nazzjonalista li huma suppost qed jaħdmu għalih. Hekk taħdem il-klikka. Din hija klikka li jekk se tkompli tirrenja fil-Partit Nazzjonalista, dan l-istess partit ma jkun jista’ jieħu r-ruħ qatt.

Leave a Reply