Għajta biex Adrian Delia jerġa’ jieħu t-tmun f’idejh

Blog post minn floating voter.

Kumment politiku li kellna matul din il-ġimgħa li għaddiet kien mingħand Peppi Azzopardi. Naħseb li kienet botta għalik Dr. Simon Mercieca. Peppi Azzopardi qal lill-Partit Nazzjonalista ma għandux jagħti każ il-pariri ta’ ċertu persuni li qed jiktbu fuq il-Facebook. Biss għandhom jagħtu każ ta’ x’inhu jgħidu hu. Infakkar li Azzopardi kien ftaħar fil-passat li vvota Lejber u li hu Laburist. Mela n-Nazzjonalisti jridu jieħdu l-pariri ta’ min ftaħar li vvota Lejber.

Ħa ngħidha. Il-parir li ta Peppi Azzopardi li l-Partit Nazzjonalista li jrid imur għand in-nies hu tajjeb. Biss għala dan il-messaġġ mhux ser jaħdem? L-ewwel, dak li qed jipprova jwassal il-Partit Nazzjonalista huwa biss nostalġija għal li kien u għal dak li għadda minnu. Hawn min qed jgħid li fi żmien ikrah tas-sebgħinijiet u t-tmeninijiet kienu aħjar milli qiegħdin illum. Oħrajn jgħidu tant hemm taħwid, diviżjonijiet, kaptani, opinjonijiet, strateġiji u tgerfix ieħor li donnu ħafna qed jaqtgħu qalbhom li l-Partit Nazzjonalista jista’ jinġabar.

B’dispjaċir, għax bħala floater nixtieq għażla, qed inressaq dawn il-ħsibijiet li nisma’ minn għand Nazzjonalisti ġenwini li jixtiequ jaraw il-partit tagħhom fi stat differenti u li jkun attrazzjoni politika tal-ħafna. Hawn min qed jgħid li l-kap preżenti mhux il-bniedem li kien hemm min ħaseb li se jkun. Żgur mhux il-bniedem li ħafna, biex jippruvaw jikkonvinċu, bdew jgħidu li dan se jkun it-tieni Eddie Fenech Adami. Illum tisma’ minn jgħidlek li dan huwa bniedem minfuħ ħafna bih innifsu. Oħrajn jgħidu li tant għandu ego kbir li l-ħin kollu konċentrat fuq il-jien u mhux l-aħna. Meta bniedem jasal jgħidlek li għandu l-ego tiegħu kbir ikun qed jgħid li dan jistma’ lilu nnifsu fuq livell għoli estrem u jħoss li l-importanza tiegħu nnifsu tiżboq lil kull min ikun madwaru.

Għalija, Dr Bernard Grech daħal fil-politika bħala dilettant għaliex dan ma kienx parteċipi f’xi dibattiti politiċi interni qabel. Veru dan l-aħħar, kien jidher fuq xi programm televiżiv, imma kien iżomm lilu nnifsu aġġornat mix-xandir mhux minn parteċipazzjoni diretta fil-partit. Żgur, għalkemm hu jgħid hekk u jiddispjaċini ngħid ikun qed jipprova jgħaddi ż-żmien bin-nies, li ma għandux snin twal ta’ esperjenża politika meta jgħid li ilu jinstema fuq ix-xandir tal-partit. F’dawk il-programmi, bir-rispett kollu, ma kienx jitkellem fuq politika imma kien jagħti xi parir legali. Kemm infakkar fl-attakki kbar li dejjem kien jaqla’ Dr Adrian Delia, meta kien kap, għax kien iressaq lilu biex jidher u jippreżenta lill-partit fuq it-television. Dawn l-attakki kienu ġejjin mill-membri parlamentari tal-Partit Nazzjonalista stess, sforż l-għira li kienu jħossu u ovvjament għax riedu jmorru huma.

Imbagħad hemm il-perċezzjoni li kkrea Dr Grech innifsu. Meta ġieh iċ-ċans waħħalulu lil Dr Delia. Hawn min qed jgħidli li bħalissa d-diskussjoni tal-membri parlamentari tal-Partit Nazzjonalista lanqas ma hi ffukata fuq illum imma diġa’ qed jiddiskutu fuq il-futur. Tant qatgħu qalbhom li bħalissa għaddejjin biss fuq iż-żjajjar fid-djar u ma tantx qed jagħtu kas x’inhu għaddej fil-grupp parlamentari u x’jistgħu jressqu bħala grupp. Mela żjarat qed isiru. Biss, issa kważi kollha qed jaħsbu għal rashom. Iduru kemm jifilħu nies ħalli jitilgħu fil-Parlament għal ħames snin oħra u wara l-elezzjoni jaraw. Kollha qed jibżgħu li jista’ jonqos in-numru ta’ rappreżentanti tal-partit fil-Parlament. Allura qed jiġġieldu kemm jifilħu għal posthom fil-parlament.

Viva l-JIEN. Dan hu l-messaġġ li qed jintbagħat mill-kandidati. Biss imbagħad l-argument huwa li qed jiġi abbandunat il-partit. B’hekk numru ta’ Nazzjonalisti ġenwini huma mwerwrin minn tkaxkira oħra għall-partit tagħhom. F’dan l-argument jiena naħseb li għandhom raġun. Donnu għaddejja telqa kbira fil-partit bħalissa. Donnu hemm qtugħ ta’ qalb kbir.

Dak li qed jiġri bħalissa li Adrian Delia qed ikun aktar apprezzat milli kien apprezzat qabel. Ħafna qed jirrealizzaw li meta tbiddel il-kap, is-sitwazzjoni marret għall-agħar. Saħansitra, hemm min qed jgħid li aħjar l-arloġġ jerġa’ jitreġġa’ lura u jerġa’ jitpoġġa Adrian Deliaa bħala kap. Ma nafx kemm din hija possibli statutorjalment. Biss nifhem is-sentiment wara dan il-ħsieb. L-argument tiegħi huwa li l-kap preżenti tpoġġa hemm mill-maġġoranza tat-tesserati. Biss issa huma l-istess nies li stigaw din il-biddla, speċjalment membri tal-grupp parlamentari, li jinsabu mdejqin b’din l-istess bidla u magħhom tidher li hemm ukoll il-maġġoranza tat-tesserati.

Allura biex forsi l-Partit ma’ jiddiżintegrax bit-telf enormi ta’ voti li ġej fuqu, iridu jipprova jsalvaw xi ħaġa minnu. Ma ninsewx li bil-kap ta’ qabel kien hemm faxxa waħda ta’ nies li kienu kontra tiegħu. Illum jidher ċar li qed jitilfu ħafna sostenituri għax nafu wkoll li nqdew b’ħafna gideb biex tgħajru lil Dr Delia u b’hekk il-kap il-ġdid għandu aktar minn faxxa waħda kontrieh.

One comment

Leave a Reply