Bernard Grech żelaq fin-nixef fuq il-kritika li għamel lil Joseph Muscat

Blog post minn osservatur politiku

Bernard Grech iddeċieda li jattakka lil Robert Abela għax, kif qed jgħid hu, ta rigal lil Joseph Muscat ta’ €120,000 (qabel it-taxxa). Jekk dan rigal, min ta rigal lil Lawrence Gonzi? Min ta rigal lil Simon Busuttil? Min ta rigal lil Richard Cachia Caruana? Imma possibbli hemm x’tant tikkritika, hemm għalfejn titkellem u tikkritika xi ħaġa li saret qabel minn nies tal-partit tiegħek stess? Nikkonkludi li Bernard Grech qed jaqbad mas-sufa flok mal-kobba.

Qalilna li Joseph Muscat ġie sfurzat jirriżenja. Min sfurzah? Id-deċiżżjoni ħadha hu. Ma kellu ebda vot kontrieh. Li kellu min qed jipprova jċappsu b’affarijet koroh, naqbel, imma kollox hu ddeċieda. U biex niftehmu s’issa tiċpis għad hemm. Mela x’suppost ngħidu għal Richard Cachia Caruana li tilef vot ta’ fiduċja fil-Parlament? Allura skond Bernard Grech jekk ta’ Muscat kien rigal, ta’ Cachia Caruana kien serq?

Dr Grech qalilna wkoll li r-rigal kien ta’ sitt snin paga. Ħa nipprova nifhem. Jekk is-somma msemmija hija ta’ €120,000, allura x’qed jgħid Dr Grech li l-Prim Ministru Joseph Muscat kellu paga ta’ €20,000 fis-sena? Jekk l-ammont imsemmi huwa tajjeb, nissuġġerilek tieqaf Dr Grech għax qed tirredikola lilek innifsek u l-partit li suppost tmexxi.

Argument ieħor li sostna Bernard Grech fil-post tiegħu hu, li l-Gvern tal-Labour jiftaħar li hu gvern tan-nies filwaqt li jisirqek il-miljuni, għaliex għal dan il-Gvern xejn mhu xejn. Dan argument li ma għandu x’jaqsam xejn mas-somma li ħa Joseph Muscat. Jekk Dr Grech irid jgħajjar lill-gvern ħalliel, ma jħallatx suġġett ma ieħor. Jekk ta’ qabel Joseph Muscat ħadu, allura hu kellu dritt jieħu, u ma hemm ebda serq.

L-aħħar punt Dr Grech. Skond int il-ġid qiegħed għal tal-qalba biss. Int kellek bżonn tiftakar li meta titkellem fuq l-interventi ta’ grupp ta’ nies, bħalma huma tal-qalba, ta’ ġewwa, ta’ madwaru, il-grupp tiegħu, trid tiftakar, ħalli nġebbed l-argument kif għamilt int, li inti qiegħed fejn qiegħed minħabba grupp żgħir ta’ ribelli li tgħajru lil ta’ qablek. Trid tiftakar ukoll li tal-qalba huma wkoll dawk ta’ madwarek. Int għamilt grupp żgħir ta’ nies li qed jitħallsu somom kbar ta’ pagi, li fid-Dar Ċentrali, ftit jew qatt ma rajna bħalhom.

Dr Grech il-post tiegħek huwa ftit qarrieq. Għax jekk ridt titwemmen missek semmejt kemm ħa Dr Gonzi bħala Prim Ministru, qabel Dr Muscat, kemm ħa Dr Busuttil bħala Kap tal-Oppożizzjoni u kemm ħa, b’eċċezzjoni kbira, l-ambaxxatur Richard Cachia Caruana. Biex tipponta subajk lejn l-avversarji politiċi tiegħek trid tiftakar li għandek tlieta żgur jippuntaw lejk u lejn sħabek.

Fl-opinjoni tiegħi, meta Kap tal-Oppożizzjoni joħroġ jikkritika xi ħaġa li saret illum u jinsa li dik l-istess ħaġa saret il-bieraħ minn tiegħu stess, hija ftit kritika li ma treġġix. Hija kritika mibnija fuq it-tafal u tisparixxi u tiżvinta malajr. Il-kritika, bħal l-iftaħir, trid tkun ibbażat fuq argument sod inkella kollox itir mar-riħ. Hawn żlaqt fin-niexef Dr Grech u l-media mmexxija minn wieħed mil-ġenerali tiegħek Alessandro Farrugia, kompliet turi li jkollha tibla u tipprintja kollox, għax bi ftit riċerka, kienu jkunu jafu li dan ir-rigal mogħti lil Joseph Muscat, kien diġa’ sar bħalu jekk mhux ukoll aktar minnu, ma nies fil-kamp politiku tiegħek stess.

Leave a Reply