Manuel Delia double standards: Jekk Gonzi jiltaqa’ ma’ Muscat tajjeb. Meta iltaqa’ Adrian Delia ħażin
Blog post minn osservatur politiku
Manuel Delia kiteb artiklu bit-titlu ta’ “Dusting off Gonzi’s plans” fejn qed ipoġġi għad-diskussjoni dak li ħabbret il-Ministru Miriam Dalli fejn qed tagħtina l-aħbar li l-Partit fil-Gvern beda l-proċeduri neċessarji biex ikollna t-tieni interconnector ma’ Sqallija, għall-provista’ tal-elettriku f’pajjiżna. Proġett li jagħmel sens għal kulħadd. Manuel Delia, għax jaħseb li bdejna ngħixu f’Malta u Għawdex kemm ilu jikteb hu, qalilna li dan kien diġa’ mwiegħed mill-Prim Ministru Lawrence Gonzi.
Biss l-aktar li laqgħatni f’dan l-artiklu ma kienetx l-aħbar u l-proġett imsemmi, imma r-ritratt li poġġa Manuel Delia mal-artiklu. Fakkarna f’ritratt ta’ meta l-ex-Prim Ministru Joseph Muscat kien stieden lil Dr. Gonzi għall-inawgurazzjoni tal-ewwel interconnector. Fil-fatt ir-ritratt jurina lil Joseph Muscat, Prim Ministru, ma’ Dr. Gonzi u Matteo Renzi. Dan ir-ritratt għandu storja minnu n-nifsu. Imma hawnhekk nixtieq niġbed l-attenzjoni tal-qarrejja li Dr. Gonzi kien jimxi mal-protocol u jattendi meta mistieden mill-Prim Ministru tal-ġurnata.
Manuel Delia għamel tul ta’ żmien jgħajjar lil Adrian Delia, meta kien Kap tal-Oppożizzjoni, għax kien jilqa’ l-istediniet li kien jagħmillu l-Prim Ministru Joseph Muscat. Kemm smajnih jgħid li Dr Adrian Delia kien fl-ixkora u fil-but tal-Partit Laburista għax kien jattendi l-istediniet uffiċjali tal-Prim Ministru Muscat. Kemm qalilna li b’Adrian Delia, bħala Kap, il-Partit Nazzjonalista ma seta’ jerbaħ qatt għax kellna kap li kien viċin wisq tal-partit fil-Gvern. Dan kollu għax kien jimxi mal-protocol neċessarju bħala Kap tal-Oppożizzjoni.
Mela Sur Manuel Delia mhux Dr Adrian Delia biss kien jimxi mal-protocol, imma anke Dr Gonzi. U ta’ min jippreċiża li meta ttieħed dak ir-ritratt Dr Gonzi kien irtira mill-politika, imma xorta mar għax hekk jitlob il-protocol. Irridu niftakru għax Manuel Delia ma għoġbux isemmiha, li dak in-nhar ta’ din l-okkażżjoni, il-Kap tal-Oppożizzjoni kien Dr Simon Busuttil. Kien żmien li fih kien diġa’ beda l-attakk fuq il-powerstation tal-Electrogas mill-Oppożizzjoni ta’ Dr Busuttil. Fil-fatt Dr Gonzi kien ġie jaqa’ u jqum minn Dr Simon Busuttil. Dr Busuttil kien bagħat messaġġ qawwi lil Dr Gonzi biex ma jattendiex għall-okkażżjoni. Ir-raġuni, kif diġa’ semmejt, kienet li l-Partit Nazzjonalista kien beda l-attakki fuq l-Electrogas. Iżda dak in-nhar ħadd ma fetaħ ħalqu pubblikament. In-Nazzjonalisti kollha kienu gidmu lsienhom b’rispett lejn wieħed mill-kapijiet tal-partit tagħhom. Dan għamluh xorta waħda għalkemm taħt Dr Gonzi, l-Partit Nazzjonalista tilef l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew bi 30 elf vot, tilef kull elezzjoni tal-Kunsilli Lokali u ħa telfa papali fl-elezzjoni ġenerali ta’ 35 elf vot fl-2013.
Irrid niġbed l-attenzjoni tal-qarrejja ta’ dan is-sit, li meta wasal il-mument kruċjali għal Dr Adrian Delia, Dr Gonzi ndaħal. Reġa’ lura d-Dar Ċentrali u għamel affarijiet li ma konna nistenna qatt li jsiru minn ex-kap tal-Partit Nazzjonalista fuq kap ieħor. Meta ġie għas-SI u n-No, kien Gonzi stess li waħħalulu lil Dr Adrian Delia! Din qed ngħidha biex il-politiċi tal-lum u ta’ għada ma jinsew qatt l-istorja tal-Partit Nazzjonalista. Ma nistgħux nemmnu, kif f’partit li għadda minn żmien fejn anke persuni fl-għola pożizzjonijiet, kemm tal-partit kif ukoll tal-pajjiż, ma tawx każ ta’ vot mill-aktar demokratiku, għall-ewwel darba mit-tesserati. Ma nistgħu ninsew qatt li bħala tesserati l-vot tagħna ġie stmat qisu karta tal-inċova. Dawn huma memorji li jweġġgħu u li wasslu lill-partit fl-istat mfarrak li qiegħed illum, jgħidu x’jgħidu l-klikka valenuża u dawk kollha li jnaqgħdu magħha.
