Iridu lil Peter Agius segretarju ġenerali flok Francis Zammit Dimech

Blog post minn osservatur politiku

Francis Zammit Dimech reġa’ qiegħed fl-aħbarijiet interni tal-Partit Nazzjonalista. Ilna nisimgħu żmien mhux ħażin, li dan l-avukat ma għadux meqjuż bħala l-bniedem idoneju għal Segretarju Ġenerali. Il-Ġenerali ta’ madwar Dr Bernard Grech ilhom li biegħdu lil Zammit Dimech mill-kap tal-partit. Huma ma iqisuhx bħala l-persuna li jistgħu jafdaw, għax kieku jkun ħafna iżjed parteċipi f’dak li qed jiġri fl-amministrazzjoni tal-Partit.

Imma li l-ġenerali ta’ madwar il-kap ma jikkomunikawx miegħu jfisser li ma jriduhx li jkun parti attiva mit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista. Jiena nibqa’ mbellah kif avukat ta’ kalibru bħal Dr Francis Zammit Dimech jibqa’ jżomm is-siġġu bir-responsabilita’ li jġorr miegħu, ma nafx x’joqgħod jagħmel hemm. Din kienet, għada u tibqa’ enigma kbira li s’issa ħadd għadu ma spjegha sewwa. Għax x’noqgħod nagħmel f’post li suppost iġorr miegħu xogħol u deċiżżjonijiet importanti f’partit politiku, imma ma tkun imħolli tagħmel jew tiddeċiedi xejn.

Imma issa mid-dehra s-siegħa tiegħu waslet ukoll. Ilna nafu li t-tfittxija għal personalita’ partikulari biex jimla’ l-post ta’ segretarju ġenerali, ilha għaddejja. Imma jidher li l-Partit Nazzjonalista qed isibha diffiċċli biex jasal għal xi persuna li bil-fors irid ikollha experjenza politika. L-amministrazzjoni jafu kemm kienet deċiżżjoni ħażina meta kienu nnominaw lil xi ħadd mingħajr idea ta’ politika. Għalhekk ma nimmaġinax li se jersqu jew iressqu lil xi ħadd li ma għandu ebda idea politika.

Niftakru tajjeb li għal żmien twil, kien qed jissemma b’ċertu qawwa David Casa, li għamel żmien kien qed iħares lejn dak is-siġġu. X’ġara eżatt ma nafx imma mid-dehra jew qata’ qalbu jew qed iħossu aktar komdu jibqa’ Brussel.

Issa l-ilsna li jxerrdu l-aħbarijiet fid-Dar Ċentrali qed jgħidu li għal darba oħra l-Partit Nazzjonalista tefa’ għajnejh fuq persuna oħra li qiegħda Brussel imma mhux bħala membru tal-Parlament Ewropew. L-għajta qawwija li ħierġa minn dawn il-kuruturi hija li qed issir pressjoni kbira fuq Peter Agius biex jinżel Malta jimla dak is-siġġu. Agius kien kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew. Wieħed jiftakar ukoll, li għalkemm ma għamilx kampanja elettorali twila, kien mar tajjeb mal-votant Malti u Għawdxi. Ħafna jikkonsidrawh bħala l-bniedem li qed ikun ta’ għajnuna kbira lil diversi setturi f’Malta u Għawdex. Anżi hawn min jgħid li l-Maltin u l-Għawdxin qed isibu ħafna aktar għajnuna minnu, milli miż-żewġ MEPs li jirrapreżentaw il-votant Nazzjonalista fi Brussel. Jissemma wkoll li qed jagħmel xogħol siewi ħafna mal-bdiewa u r-raħħala Maltin u Għawdxin kif ukoll mas-sajjieda fiż-żewġ gżejjer. Infakkru li Peter Agius dejjem fuq quddiem biex ixandar possibilitajiet li jistgħu jutilizzaw l-istudenti. Dejjem lest u pront biex jgħin lil kull ċittadin Malti u Għawdxi f’kull ħaġa li jkollha x’taqsam mal-Unjoni Ewropea.

L-għajdut li qed jinfirex jkompli jgħid li Peter Agius qed jiġi mbuttat ħafna mill-President tal-Eżekuttiv, Alex Perici Calascione. Jiena ma nkunx iddispjaċut li l-Partit Nazzjonalista jkollu lil Peter Agius bħala Segretarju Ġenerali, bniedem utli u ta’ kapaċita’ kbira. Imma b’sinċerita kbira ngħid li l-Partit Nazzjonalista ma jistax kull darba jħares il-barra minn xtutna biex jimla’ ċertu postijiet fid-Dar Ċentrali. Inħoss li l-Partit Nazzjonalista qed iżarma kappella biex jibni oħra.

Jekk dan kollu hu veru nieħu l-okkazzjoni biex nawgura lil Peter Agius. Imma nħossni fid-dmir ngħidlu li kull politku li ġie lura minn Brussel, biex jaħdem fil-politika Maltija tramite l-Partit Nazzjonalista, b’xi mod jew ieħor inħaraq. Kellna lil David Stellini, Simon Busuttil u Therese Comodini Cachia. Fuq livell personali ma nixtieqx nara iżjed politiċi jgħaddu mill-istess disavventura kerha.

Leave a Reply