Żball strateġiku tal-NGOs wassal biex kien approvat il-proġett tad-DB
L-istorja ta’ din il-ġimgħa kienet marbuta mal-approvazzjoni milll-Awtorita’ tal-Ippjanar tal-proġett tad-DB ġewwa San Ġiljan.
Ġara li allavolja l-proġett hu ġewwa San Ġiljan, l-iżviluppaturi għamlu bħala indirizz Pembroke, dan għaliex faċċata ta’ dan il-proġett tħares u tiġi fil-parti ta’ Pembroke. B’hekk dan il-proġett ġie marbut ma’ Pembroke. Dan hu dettall importanti, għaliex kull kunsill lokali li jkollu proġett ta’ żvilupp massiv fil-lokalita’ tiegħu għandu d-dritt jappunta rappreżentant fuq il-bord ħalli juri l-opinjoni tiegħu u anki jivvota favur jew kontra l-proġett. B’hekk ġrat xi ħaġa tajba. Ir-residenti ta’ Pembroke, li l-aktar li ser ikunu milquta minn dan il-proġett, kienu rappreżentanti fuq dan il-bord tal-planning mill-kunsill tagħhom u l-membru tal-kunsill tagħhom seta’ jivvota f’isimhom.
Bħal ma kulħadd jaf dan il-proġett tad-DB kien ġa ġie approvat fl-2018. L-NG0s marru l-qorti u l-kawża dehret quddiem l-imħallef Mark Chetucti. Illum dan hu l-prim imħallef. Mark Chetcuti qata’ s-sentenza fi żmien sena, għaliex il-verdett ingħata 2019. Chetcuti ma daħalx fil-validita’ tal-permess imma invalidah fuq l-allegatament potenzjal ta’ konflitt finanzjarju u ta’ interess ta’ wieħed mill-membri tal-bord li kien ivvota fuq dan il-permess, jiġifieri Matthew Pace. Fis-sentenza tiegħu, Mark Chetcuti kien mar oltre u ddelibera li l-ebda membru li ppronunzja ruħu f’dan il-proċess fl-2018 ma setax jpoġġi fuq il-bord meta dan il-permess jerġa jmur quddiem l-awtorita’ kompetenti biex ikun approvat. B’hekk il-proċess ta’ din l-approvazzjoni kellu jsir kollu mill-ġdid. Mela kulħadd, inkluż il-Kunsill Lokali, il-Planning Authority, l-ERA u anki l-NGOs, ir-rappreżentati oħra, kienu jafu mill-2019 li jekk kellhom xi membru tagħhom li ġa ppronunzja ruħu u ta l-vot tiegħu fl-2018, dan ma setgħax jerġa’ jivvota nhar il-Ħamis meta dehret mill-ġdid din l-applikazzjoni tad-DB quddiem l-Awtorita’ tal-Ippjanar. Jekk kien ser jivvota, dan il-membru kien qed imur kontra d-deċiżżjoni tal-Qorti b’riskju li l-proċess ikun mill-ġdid invalidat.
Ammirajt l-istrateġija li ġiet użata mill-kunsill lokali ta’ Pembroke, li l-maġġoranza tiegħu hija Laburista. Fl-2018, dan il-kunsill kien ivvota kontra. Dak in-nhar kien rappreżentat mis-sindku tal-lokalita’. Peress li issa s-sindku ma setax jivvota, għaliex kieku għamel hekk kien imur kontra d-deċizzjni tal-qorti, il-kunsill appunta lill-viċi-sindku biex jirrappreżentah f’din l-votazzjoni ta’ nhar il-Ħamis. Jiġifieri s-sindku Laburista ma qabilx mal-proġett u vvota fl-interess tar-residenti. U l-istess għamel il-viċi-sindku tiegħu nhar il-Ħamis li għadda. B’hekk il-kunsill kien rappreżentat fuq dan il-bord u l-vot tiegħu kien validu. Il-Kunsill ta’ Pembroke ħadem b’rasu u ra li ma jkunx ultra vires. Anzi segwa s-sentenza tal-imħallef Chetcuti u ma tilifx iċ-ċans li jivvota favur ir-residenti. Għaldaqstant, il-kunsill ta’ Pembroke baqa’ l-leħen tar-residenti. B’hekk il-kunsill assigura r-risponsabilta’ tiegħu u rrappreżenta l-interesssi tar-residenti tiegħu fuq dan il-bord.
Mhux l-istess strateġija għamlu l-NGOs. Għall-raġuni li jafu huma, l-NGOs injoraw is-sentenza tal-imħallef Chetcuti li kienu ilhom jafu biha mill-2019. Huma għandhom rappreżentant fuq il-Board tal-Awtorita’ tal-Ippjanar. Biss minflok biddluh jew bidluha, ħalluh/a hemm. B’hekk nhar il-Ħamis, dan ir-rappreżentat ġie f’pożizzjoni li kieku vvota kien qed imur kontra s-sentenza tal-imħallef Chetcuti għaliex hu ġa ppronunzja ruħu fuq dan il-proġett fl-2018.
B’hekk nitħasseb meta nara stqarrijiet tal-NGOs, bħal ma għamlu l-bieraħ u jwaħħlu fil-Planning Authority minħabba li r-rappreżentant tagħhom ma setax jivvota. Huma kellhom iċ-ċans kollu li jaħtru rappreżentant ġdid biex jirrappreżenthom fuq dan il-bord bħala ma għamel il-kunsill ta’ Pembroke. Nirrepeti kienu ilhom jafu b’din is-sentenza sa mill-2019. Għal raġuni li jafu huma, ħallew ir-rappreżentant li kellhom qabel fuq il-bord u ma mibdluhx. Fi teorija din il-persuna xorta setgħet tivvota. Biss jekk kienet tagħmel hekk, kienet qed tkun tisfida s-sentenza tal-imħallef Chetcuti. Biss imbagħad kienet issofri l-konsegwenzi għax nilgħab imħatra li d-DB kienet jagħmel kawża biex tinvalida l-vot tagħha jew tiegħu.
Fuq kollox kienet deċizjoni personali tar-rappreżentant tal-NGOs li tieħu nota ta’ din is-sentenza tal-imħallef, li ngħatat fl-2019 u tiddeċidi a bażi tagħha. Fil-fatt ħaddieħor għamel l-istess. Dak li ġara l-Ħamis jew qabel kien li nġibdet l-attenzjoni ta’ kull membru fuq il-bord li kien ser jivvota biex jieħu konjizzjoni ta’ din is-sentenza. Biss kulħadd kien liberu skont il-kuxjenza tiegħu li jiddeċiedi hu. L-NGOs kellhom il-ħin kollu biex jiddeċiedu skont il-kuxjenza tagħhom. Jidher ċar li l-NGOs ma għamlux l-homework tagħhom sew.
Kieku l-NGOs għamlu l-homework sew, kif għamel il-kunsill lokali ta’ Pembroke u appuntaw rappreżentant ġdid, kienu jagħtu battikata enormi lill-Planning Authority għaliex il-vot kien jiġi erbgħa b’ebgħa u kien ikun wieħed inkonklussiv. Imbagħad kien sta għall-Planning Authority biex tara kif ser issolvi din il-problema kollha. Kieku ġara hekk, il-Planning Authority kienet tkun trid terġa’ tmur għal vot, u minħabba s-sentenza ta’ Chetcuti, il-Planning Authority kien ikollha bżonn tara li kull membru li ppronunzja ruħu l-Ħamis li għadda ma jkunx jistax jerġa’ jivvota. Ma nafx kif kienet ser issolvi din il-problema kbira l-Awtorita’ tal-Ippjanar kieku l-għaqdiet tal-ambjent ħadmu b’moħħhom u taw każ tas-sentenza tal-imħallef Chetcuti!
Mela l-NGOs għandhom jibdew jagħmlu kif konna nagħmlu fl-imgħoddi meta waqt il-quddiesa, konna nħabbtu fuq sidirna u ngħidu, mea colpa, mea colpa, mea maxima colpa talli għadda dan il-permess!