L-establishment tal-PN jitlob deputat biex ikeċċi waħda li qed taħdimlu għax għadha tikteb favur Adrian Delia
Blog post minn osservatur politiku
Storja li ma titwemminx. Sewwa jgħidu li meta tmiss il-qiegħ ikun diffiċli li titla’ ‘l fuq. Il-Partit Nazzjonalista tant qed jegħreq li l-establishment qed jippruva jaqbad ma’ kull tibna biex forsi jitilgħu ‘l fuq. Meta tasal f’dan l-istat tkun veru qed tammetti li kollox beda jdejqek u tipprova tagħlaq kull ħalq li jinfetaħ. F’dan l-artiklu se nuri kif l-establishment tal-Partit Nazzjonalista mhux qed jaqblu bejniethom u m’humiex fuq l-istess linja ta’ ħsieb dwar dak kollu li qed jinkiteb u jinxtered fuq il-media soċjali.
Il-Partit Nazzjonalista huwa rrappreżentat fil-parlament minn tmienja u għoxrin membru. Dawn huma ta’ karattru differenti. Hemm min jikteb ħafna fuq Facebook u ma’ kull mossa jew kelma li jgħid ixandarha fuq il-media soċjali, hemm min jippubblika biss meta jitkellem bħala rappreżentant tal-Partit, hemm min joqgħod lura anke meta jkun qed jagħmel ħafna ġid qalb in-nies jiġifieri fis-soċjeta Maltija jew Għawdxija.
Fil-Parlament għandna deputat min-naħa tal-Partit Nazzjonalista, li mingħajr ħafna daqq ta’ trombi, bena u qed imexxi food bank. Ftit naħseb li hawn li jafu bih. Imma dan qed jagħmel ġid kbir, iqassam jew ipoġġi għad-dispożizzjoni ikel għal dawk fil-bżonn. Ovvjament dan id-deputat ma jistax jmexxi u jkompli man-nies li jersqu għall-għajnuna tiegħu, waħdu. Ikollu bżonn l-għajnuna. Naf li hu kuntent għax għajnuna, f’dan il-vjaġġ li qed jagħmel, sab. Biss irridu niftakru li kulħadd għandu opinjoni u kulħadd għandu dritt jesprimiha.
Waħda mill-helpers tiegħu hija persuna li tħobb tikteb u fejn ikun hemm bżonn tikkritika u ma toqgħodx lura li tikkritika lil Bernard Grech. Mid-dehra bdiet tagħti fastidju għax dan id-deputat irċieva telefonata minn għand wieħed mill-ġenerali tal-Partit Nazzjonalista. Fi ftit kliem, dan il-ġeneral qal lid-deputat biex iwaqqafha lil din il-persuna. Id-deputat irribatta li kif jista’ jwaqqaf bniedma milli tikteb. Il-ġeneral fehem u qallu li dment li żżommha viċin tiegħek, iċ-ċans ikun li fl-elezzjoni tivvota lilu u allura tkun qed tivvota lil Partit Nazzjonalista.
Mela l-parir ta’ dan il-ġeneral kien li jħalliha tikteb. Iżda din l-istorja ma waqfitx hemm. Il-kummenti tagħha kontra Bernard Grech baqgħu jagħtu fastidju lill-establishment. Il-ġeneral tal-ġenerali ħa r-riedni f’idejh u kkomunika direttament mad-deputat . Il-ġeneral tal-ġenerali tah ordni biex jgħidilha tieqaf. Meta dan id-deputat qallu li din storja magħluqa għax kien kellem lil wieħed mill-ġenerali tiegħu, il-ġeneral tal-ġenerali qallu li hu ma jimpurtahx x’qallu ta’ taħtu. Kompla jgħid lil dan id-deputat, li din il-persuna għandha tieqaf tkompli tikteb dawn il-posts. Id-deputat, għax bniedem tajjeb u edukat, ma qallux biex imur jieħu kafe’ bil-kwiet x’imkien u għalaq id-diskursata b’mod tajjeb.
Kif kompliet ftit li xejn jinteressani. Imma, fl-opinjoni tiegħi, din hija riflessjoni tal-arroganza kbira li hemm bħalissa fil-Partit Nazzjonalista. Billi jsiru dawn il-mutetti ma hux ser tinġieb il-paċi fil-partit. Kulħadd, inkluż, il-Kap ta’ Partit għandu jkun lest u jaċċetta l-kritika. Kulħadd għandu jaqra l-kritika b’mod miftuħ, jifhimha u jara x’jagħmel biex jirrispondi għaliha bl-għemil tiegħu.
Huwa dispjaċir kbir għalija li persuna li qed twettaq ġid man-nies u tkun qrib in-nies tiġi kkritikata jew imwaqqfa għax tikkritika. Jekk l-establishment preżenti tal-Partit Nazzjonalista jrid jiġbed aktar nies lejh, irid bilfors jibdel l-attitudni.