Where your opinion counts

Id-diskors tad-Deputat Nazzjonalista Clyde Puli fil-Parlament favur il-konċepiment u kontra l-abort

Blog post minn osservatur politiku

L-abort huwa suġġett jaħraq u mingħajr dubju se joħloq, jekk mhux diġa’ bdiet, diskussjoni nazzjonali u se nisimgħu ħafna opinjonijiet diversi u kontrastanti. Il-politiku hawn għandu quddiemu suġġett li ma tantx jista’ jinħela fuq ir-retorika meta jiddiskutih. Dan huwa suġġett li jmiss il-qalb, il-kuxjenza u, aktar u aktar it-twemmin ta’ kull individwu. Se jkun diffiċli jekk mhux impossibbli li Partit politiku jipprova jsib pożizzjoni waħda li jaqbel magħha kulħadd.

Nhar l-Erbgħa 9 ta’ Ġunju, fil-Parlament id-deputat Clyde Puli, ħa kwarta mill-aġġornament u għamel diskors li kien jittratta l-abbozz ta’ liġi imressaq m’ilux, li qed titlob tibdil fl-emendi tal-liġi kriminali li bażikament jintroduċu l-abort f’pajjiżna. Is-Sur Puli xtaq iħares lejn dan l-argument mill-att tal-media li ġie diskuss ampjament appena tressaq fil-parlament dan l-abbozz. Puli għamilha ċara li hu ma jistax iħalli dan l-argument jiġi diskuss mill-media mingħajr ma jressaq anke hu l-ħsibijiet tiegħu. Huwa kompla li matul is-snin, b’konsistenza kbira, dejjem iddikjara li hu jemmen li l-ħajja tibda mill-konċepiment. Għas-Sur Puli meta sseħħ is-singamija, wara li tkun seħħet il-fużjoni tal-gameti, tkun inħolqot ħajja umana distinta li l-integrita tagħha jixirqilha rispett sħiħ.

Wieħed jista’ jikkonsidra d-diskors tas-Sur Puli bħala assertiv u mingħajr ebda sinjal ta’ dubju. Ma tana ebda sinjal ta’ titubazzjoni u ebda spazju ta’ possibilita’ ta’ diskussjoni. Puli għamilha ċara li la temmen fil-ħajja umana, ma tistax tarmiha ‘l hemm qisha xi sinna fil-ħalq li qed iddejqek jew tweġġgħak. Is-Sur Puli semma l-argumenti li qed jitressqu min dawk li huma favur l-abort. Huwa qal li dawn qed jgħidu li l-abort huwa dritt tal-għażla. Allura dan l-argument qed jgħid jekk il-ħajja, li allura diġa’ teżisti, għandhiex titkompla jew le. Biss dan l-argument qisu qed jitressaq bħala dritt tal-mara biss. Il-mistoqsija tiġi waħedha. Fejn hu d-dritt tal-missier jew tal-koppja? Għax dawk favur qed jgħidu ‘my body my choice’ u qed jillimitaw id-deċizzjoni lill-mara biss. Il-missier, jekk titwieled it-tarbija, żgur li se jkollu anke hu responsabilita’ kbira. Is-Sur Puli spjega li dan l-argument iħalli barra d-dritt tat-tarbija, id-dritt tal-għażla tat-tarbija, li diġa teżisti fil-ġuf, tarbija vulnerabbli, bla protezzjoni, bla saħħa, bla vuċi. Puli saħħaħ l-argument tiegħu billi qal li l-membri parlamentari għandhom l-obbligu li jagħtu d-dritt lil kulħadd anke lit-tarbija fil-ġuf.

It-tieni argument li qed jitressaq favur l-abort huwa s-saħħa tal-omm. Dan huwa argument li kważi jiżvinta, meta nafu li f’pajjiżna għandna professjonisti ta’ livell għoli ħafna, li dejjem jagħmlu ħilithom li jieħdu ħsieb is-saħħa tal-omm kif ukoll tat-tarbija. Din hija xi ħaġa li ssir kulljum u kontinwament u ma għandiex tiġi kkonsidrata għad-diskussjoni favur l-abort.

Argument ieħor li qed jitressaq huwa li la qed isir b’mod illegali, anke barra minn Malta, allura jkun aħjar li nippermettuh, jew nillegalizzawh. Mela dan l-argument qed jgħid li la l-forżi tal-ordni f’pajjiżna mhux qed jirnexxielhom irażżnu dan l-att, allura din hija battalja mitlufa, mela ejja nakkomodaw. Clyde Puli qal li huwa ironiku li f’pajjiżna fl-aħħar snin tgħallimna dejjem iżjed nipproteġu l-ambjent, siġra, annimal, għasfur, pjanta, imma qed insiru aktar tollerenti u ndifferenti lejn il-bnedmin. Il-media tat importanza kbira li fekruna mietet għax belgħat xi ħaġa mormija mill-bniedem, importanza li nqalet siġra, fuq ordni ta’ persuna, biex minn hemm tgħaddi triq u sar kjass, fil-parlament stess saru regolamenti fuq l-għasafar li jpassu, għax il-parlamentari riedu ikunu ċerti li dawn l-għasafar ibidu u jipproduċu.

Imma mbagħad f’dan il-pajjiż hawn moviment, li saħansitra issa jingħata vuċi anke fil-parlament, favur il-qerda tal-embrijun, allura favur il-qerda tal-ħajja umana. Puli għalaq id-diskors tiegħu billi ħeġġeġ lin-nies biex jitkellmu. Qal li ħadd ma għandu jibża għax jgħidulhom fundamentalisti, antikwati, konservattivi. Huwa saqsa, x’hemm ħażin li tikkonserva l-ħajja? Huwa preċiża wkoll li din hija deċiżjoni ta’ Malta waħidha għax l-Ewropa ma tistax tindaħlilna u din il-kondizzjoni qiegħda parti mill-ftehim meta dħalna fl-Unjoni Ewropea.

Huwa ta’ kuraġġ li tisma’ politiku jagħmel dikjarazzjoni skjaċċanti bħal ma għamel Clyde Puli. Kien preċiż fil-kliem tiegħu. Huwa qal li din ma kienetx kwistjoni ta’ kif tista’ tindirizza l-opinjoni jew fejn tista’ tilgħab għall-gallarija, biex takkwista xi voti mill-elettorat. Kull min jitkellem fuq dan is-suġġett, irid jagħmel dan b’konvinzjoni, b’riferenza speċjali lejn il-politiku. Il-poplu jrid jisma’ diskors bla tlaqliq u jrid jisma’ raġunijiet validi għaliex il-politiku jrid juri li jkun wasal għall-pożizzjoni tiegħu mingħajr ebda sinjal ta’ titubazzjoni.

Naqbel jew ma naqbilx, xorta nħoss li għandi nirringrazzja lil Clyde Puli għall-kjarezza fil-ħsieb, għall-messaġġ ċar u għall-argumentazzjoni tiegħu favur dak li jemmen fih hu.

Prosit u grazzi Clyde Puli.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *