Numru ta’ deputati Nazzjonalisti ma jattendux il-festin tal-Birthday ta’ Bernard Grech

Blog post minn osservatur politiku

Malta u Għawdex kollha jafu li Dr Bernard Grech din il-ġimgħa ċċelebra l-50 sena tiegħu. Nawgurawlu. Nafu wkoll li l-Erbgħa 9 ta’ Ġunju stieden lid-deputati kollha tal-grupp parlamentari tiegħu biex jixorbu u jieklu xi ħaġa flimkien f’din l-okkażżjoni ta’ għeluq snin il-Kap tal-Partit.

L-ewwel kurżita li tiġi f’moħħi hi, min ħallas għal dan ir-reċiviment? Tgħid ħallas Bernard Grech jew ħallas il-Partit Nazzjonalista għalih? Tinteressani din il-ħaġa għax nixtieq inkun naf fejn qed imorru l-flus li jinġabru f’isem il-Partit. Xi ħaġa bħal din, jekk ma tkunx regalata, trid titħallas. Allura tajjeb inkunu nafu jekk il-flus miġbura mill-partitarji ta’ dan il-Partit humiex iħallsu għall-parties bħal dawn ukoll. Milli smajna fil-kuruturi tal-parlament l-attendenza kienet fqira, tant li mitt tmienja u għoxrin deputat attendew biss ħmistax. Huwa xi ħaġa sorprendenti dan in-nuqqas? Ma naħsibx. Dan qed ngħidu għax id-diċeriji li l-affarijiet ma humiex tant feliċi fi ħdan il-grupp parlamentari, ilna nisimgħuhom. Hemm min qal li saħansitra għamlulu bojċott.

Imma forsi din nistgħu neħduha bħala prova aktar konkreta li aktar minn nofs id-deputati abbandunaw dan il-festin. Issa bħal ma diġa’ qrajna f’dan is-sit, in-numru ta’ deputati li għadhom viċin il-Kap preżenti huma ħamsa. Fuq dawn il-ħamsa Bernard Grech jista’ jserraħ rasu għal kollox. Diġa’ ssemmew, imma billi nerġgħu nirrepetuhom ma nagħmlu xejn ħażin. Bernard Grech għandu madwaru lil Ryan Callus, Claudette Buttigieg, Hermann Schiavone, Kristy Debono (dawn l-erba’ jagħtu l-kunsens totali tagħhom lil Dr Grech). Hemm il-ħames wieħed li huwa Claudio Grech, imma dan għandu riservi mdaqqsa għax f’ħafna affarijiet li jagħmel Bernard Grech, hu ma jaqbilx miegħu.

L-ilsna ħżiena fil-kuruturi tal-Parlament ikkummentaw li l-għaxra l-oħra kienu ġmielhom miġburin qaqoċċa, isefsfu f’widnejn xulxin donnhom kienu qed jisiltu frażi minn Hamlet ta’ Shakespeare “that something is rotten in the state of Denmark”. Dawn l-ilsna ħżiena komplew jgħidu li l-atmosfera ma kienet sabiħa xejn. Kif jgħid il-Malti ‘l-ajru għandu għajnu u ħajt għandu widintu’. Ilna nisimgħu wkoll li l-grupp parlamentari tal-Partit Nazzjonalista qed jaffronta diviżjonijiet ta’ opinjonijiet kbar. Qed iberraq sew mid-dehra għax ma humiex jaslu għal ebda pożizzjoni waħda fuq kull suġġett diskuss, imma l-aktar suġġett li kompla ħaraq il-grupp parlamentari kien x’se tkun il-pożizzjoni tal-partit fuq il-legalizzazzjoni tal-kannabis.

Bilfors trid tgħid li sa ftit xhur ilu konna nafu fejn qiegħda l-linja diviżiva tal-Partit fl-Oppożizzjoni. Dawk favur Adrian Delia u dawk kontra tiegħu. Imma issa tant hemm dwejjaq, tant hemm nuqqas ta’ ftehim, tant ma hemmx direzzjoni, tant ma teżistix strateġija, li ħafna deputati qed ikunu nieqsa saħansitra mill-laqgħat tal-grupp parlamentari. Ħafna qed jistaqsu, kif se jaslu għall-pożizzjonijiet politiċi bħala Partit fuq argumenti jaħarqu jekk ma humiex jaraw għajn ma’ għajn? Biex hemm dan in-nuqqas enormi fl-appoġġ għall-kap, nistgħu nkunu nafu x’wassal għal dan? Qed jaġixxi ta’ kap ta’ partit politiku jew ma għandux idea ta’ tmexxija?

Il-partitarji Nazzjonalisti dawn is-sitwazzjonijiet jinkwitawhom. Ara ma jkunx hawn xi ħadd jaħseb li l-partitarji kuntenti b’dan in-nuqqas ta’ direzzjoni fil-partit. Apparti minn hekk, min verament iħobb lil pajjiżu, ma jkunx jixtieq jara Oppożizzjoni dgħajfa għax ma hu ta’ ebda ġid għall-pajjiż.

One comment

Leave a Reply