Messaġġ emottiv li rċevejt mingħand membru tal-esekuttiv tal-Partit Nazzjonalista fejn jispjega għaliex il-PN ma jistax jaqbad art
Il-Partit Nazzjonalista qed jurina li l-istandards politiċi tiegħu jbiddilhom skond l-uċuh. B’din l-attitudni qed ikompli jħaffer qabartu u dejjem ifannad aktar l-isfel għax ma jistmax lill-kapijiet u lill-partitarji tiegħu l-istess. Il-Partit Nazzjonalista qed jagħmel differenza bejn illum u l-bieraħ. Qed jagħmel differenza bejn kap u ieħor. Dan huwa sinjal ta’ arroganza tal-għola livell.
Apparti li l-arroganza tidher fir-rappreżentanti tiegħu, speċjalment tal-klikka valenuża bħal ma tkellem dwarha l-Osservatur Politiku b’referenza għall-aħħar dibattitu fuq Realta’, għax għadhom jaħsbu li jafu kollox u li għadhom jaħsbu li kull ma jgħidu huma rridu nibilgħuh qisu tkellem il-messija. Din ukoll hija arroganza. Ma jistgħux idaħħluha f’rashom li min jogħla ħafna jieħu tisbita kbira. U sfortunatament ‘l hemm mixjin.
Għax iż-żewġ daqqiet kbar tal-2013 u l-2017 ma kienux biżżejjed. L-isfortuna hi li minn dawk it-telfiet kbar ma tgħallmu xejn u arroganti kienu u arroganti baqgħu. Jien għadni nistenna l-aġenda għal-laqgħa tal-Eżekuttiv. S’issa għadu ma wasal xejn. Sa ftit tax-xhur ilu, kważi wara kull survey kienu jgħajtulna d-Dar Ċentrali fir-raba’ sular ħalli ħafna membri tal-Eżekuttiv ibagħtlu l-istonku tagħhom fuq il-kap dak in-nhar, Dr Adrian Delia. Fejnhom illum? Fejn marru jinħbew? Fejn qed jiżvugaw la ma hemmx mgħajjat eżekuttiv? Tgħid qed jerġgħu jinġabru f’xi dar privata jew f’xi uffiċċju biex ixerrdu l-ħdura minn hemmhekk?
Jiena naf li qed juru r-rabja tagħhom imma kif jgħid il-Malti jixtiequ jigdmu minkbejhom u ma jistgħux. Imma xorta qed nistenna laqgħa ħa nara x’se jgħidu l-pampaluni tal-klikka tal-Partit. Irrid nisma’ llum x’se jikkummentaw jekk għadhom jaraw l-iljunfant fil-kamra, jekk humiex se jgħajtu barra barra, jekk humiex se jgħidu int ħaġa waħda mal-Labour, jekk hux se nisma’ li min jgħid li l-kap hu fil-but ta’ Yorgen Fenech. Jekk hux se nisma’ li qiegħed fil-bwiet tal-kuntratturi, jekk hux se nisma’ li ma għandekx flus biex tħallas għall-ispejjeż tal-familja, jekk hux se nisma’ li qed torqod id-Dar Ċentrali biex timpressjona mingħalik. Jekk hux se nisma’ iżjed li qed tiċċaċċra ma’ Yorgen Fenech fuq WhatsApp, li l-Partit tant qed jitlef voti minħabba fik li qed tressaq lill-Partit Laburista għal rebħa ta’ żewġ terzi.
Qed nistenna lil Alex Periċi Calascione jibagħtilna l-aġenda ħalli nara x’se niddiskutu. Qed nistenna lill-pampaluni tal-klikka jigdbu u jivvintaw fuq Bernard Grech bħal ma kienu jagħmlu fuq Adrian Delia. Qed nistenna lill-klikka tgħidilna kif ftaqar ħafna iżjed il-Partit Nazzjonalista fi żmien Dr Delia imma issa jridu jgħidilna wkoll jekk id-dejn żdietx.
Nistenna li l-Eżekuttiv jiddiskuti l-fjask tal-aħħar maratona fejn rajna somma tant fqira miġbura. Qed nistenna l-eżekuttiv biex niddiskutu kif se nħallsu daqshekk ġenerali bl-€40,000 fis-sena, b’ġabra li kemm kemm twassal għal xahar ta’ pagi u spejjeż.
Kemm jien ħerqan li bi tbissima fuq wiċċi nara u nisma’ lil dawn in-nies li jinżlu fl-istorja tal-Partit bħala l-aktar nies ġakbini li qatt ra l-Partit Nazzjonalista. Kemm jien ħerqan li nieħu posti waqt l-Eżekuttiv u noqgħod inħares f’għajnejhom u nara fadalx ħdura fihom. Nieħu posti biex nara kemm-il wieħed mill-klikka valenuża se jammetti l-oxxenitajiet li għamel. Nieħu posti biex nisma’ x’se joħroġ minn ħalq kull blue hero li kienu jgħidu li kif nibdlu lil Kap u neħilsu minn Adrian Delia l-Partit Nazzjonalista jieħu r-ruħ. Kemm se nkun kuntent inħares lejn dawn in-nies li farrku partit glorjuż jegħrqu fl-għaraq tagħhom stess, waqt li jien nitpaxxa b’kuxjenza safja u b’moħħ frisk għax jien dejjem kont konsistenti ma’ kull kap u mal-Partit Nazzjonalista li kien, għadu u jibqa’ f’qalbi. U jekk inlissen kliemi ngħidilhom b’wiċċi minn quddiem, li jien għandi fuduċja fil-Partit Nazzjonalista u lest nistenna sa x’ħin il-poplu jitfakhom fil-landa politika taż-żibel u hemm verament il-partit glorjuż tagħna jibda jieħu r-ruħ.