L-Għawdxin iridu jsemmu leħinhom kontra l-qerda li qed issir fil-gżira tagħhom

Blog post minn osservatur politiku

L-imħabba tal-Għawdxin lejn il-gżira tagħhom hija xi ħaġa li tammira. Imma hemm bżonn attenzjoni urġenti għax Għawdex se jinqered darba għal dejjem f’qasir żmien. M’ilux qrajt artiklu ta’ Dun Charles Cini, Salesjan Għawdxi, li wriena fejn tħabbat il-qalb Għawdxija. F’sentenza minnhom is-Salesjan qal li dawk l-Għawdxin li ħadu l-poter, speċjalment dawk li ħadu ġurament li jieħdu ħsieb, jippjanaw u jiddefendu l-ġżira żgħir u unika ta’ Calypso, iridu jiftakru li dak il-ġurament, li ħadu f’isem l-Għawdxin kollha, poġġa fuqhom responsabilita’ kbira li jsebbħu u jippromwovu l-ħajja f’Għawdex għall-aħjar.

Kliem iebes u responsabbli mitkellem minn persuna li ħadem ħafna għal Għawdex f’oqsma differenti. Dawn il-politiċi x’jaħsbu li huma? Min tahom il-poter biex jeqirdu gżira? Il-vot Għawdxi ma ta ebda awtorita lil xi politiku biex joħroġ permessi bl-addoċċ u jsir żvilupp skandaluż li qed jibdel l-identita’ tal-gżira Għawdxija. Il-votant Għawdxi huwa konxju minn dak li qed isir ġewwa Malta.

L-Għawdxin li kienu jiġu lejn Tas-Sliema jgħidulek imma kif jirnexxielkom tgħixu hawnhekk. Kif jista’ jkun li kull fejn tħarsu ħlief krejnijiet ma tarawx. Imma llum qed jitkellmu mod ieħor. Jgħidulek, qerdu lilkom u issa qed jeqirdu lilna. Ftit tal-ġranet ilu qsamt anke jien il-fliegi u kont għadni lanqas missejt l-art Għawdxija, meta rajt disgħa krejnijiet minn fuq il-vapur hu u dieħel il-port tal-Imġarr. F’qalbi għidt jien tlaqt minn Malta u qed tilqani l-istess xena bħal ħafna bliet u rħula Maltin. Anke hawn se jinqered. Allura veru, n-nies fil-poter ħalfu li ma jħallulna mkien fejn immorru u ngawdu l-ġmiel naturali li kienu tant kuntenti bih missirijietna.

L-Għawdxin hemm bżonn li jifhmu li l-poter jgħaddi għand il-politiċi bħala self u mhux bħala ċens perpetwu. Kif qalilna s-salesjan, dawn suppost ħadu l-poter f’idejhom biex jipproteġu, biex isebbħu imma qatt biex jeqirdu u lanqas biex ikomplu jistanew ftit sangisugi żviluppaturi. Li teqred l-art Maltija huwa dnub mejjet. Imma li teqred l-art Għawdxija huwa sagrileġġ li ma jinħafer minn ħadd. Il-kampanja u l-ħdura li ġġib magħha huwa rigal divinn. Ħadd ma għandu dritt jeqirdu. Ħadd ma għandu dritt jisraq minnu. Hadd ma għandu dritt li jnaqqas minnu.

Imma l-Għawdxin kif jistgħu jaċċettaw bini goff u ikrah li tiela’. Kif jistgħu jippermettu, mingħajr ma jitkellmu, oxxenitajiet tal-periti u tal-iżviluppaturi. Veru bħala kultura u mod ta’ ħajja, l-Għawdxi ma tantx hu wieħed li jipprotesta, li jirribella jew li jdendel kusu speċjalment mal-politiċi. Imma issa żżejjed. Issa qed tinqered il-gżira tagħkom li tant intom ferħanin u kburin biha. Issa ma tistgħux tibqgħu ċassi. Issa tridu tqumu fuq tagħkom. Issa hemm bżonn il-protesti. Issa hemm bżonn tinżlu fit-toroq. Issa hemm bżonn li l-ereżijiet jiġu mikxufa. Issa hemm bżonn li kull Għawdxi jkun jaf min qed jeqridlu pajjiżu. Issa ż-żmien li tqumu u turu li intom Għawdxin ta’ veru u mhux tal-karapesta. Tridu turu li verament tħobbu lil art twelidkom u mingħajr ma’ tħarsu lejn wiċċ ħadd, ma tħallux il-qerda ta’ din il-gżira ġojjell.

Jiena ngħid li kieku l-art Għawdxija tista’ titkellem żgur li tgħajjat b’kemm għandha saħħa, qażżiżtuni. Jiena ċert li kieku jqumu missirijietkom u ommijietkom, dawn iċanfrukom u jgħidulkom li huma għamlu ħilithom biex iħallu l-ġmiel naturali lil uliedhom. Il-mistoqsija tal-ġenituri lejn l-ġenerazzjoni tal-lum żgur li se tkun, intom x’se tħallu lil uliedkom? Ħitan, ġebel, konkos, konkrit, tarmac, ħitan tas-sejjieħ taparsi? Żgur li jħeġġukom biex tqumu minn hemm u tibżgħu għal tagħkom, u tagħkom huwa mhux biss darkom imma dak kollu li jdawwarha u li jsebbaha.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *