L-arroganza ta’ Beppe Fenech Adami toħroġ fil-beraħ fil-Programm Realta’
Blog post minn osservatur politiku
Id-diskussjoni politika nieħu pjaċir insegwiha imma naħseb nippretendi wisq. Dejjem ħassejt li diskussjoni għandha tkun ċivili u ma għandux ikun hemm attakki ndirizzati lejn ħadd. Diskussjoni għandha tkun iffukata fuq l-argument u għandha tinżamm f’dak il-livell.
Nhar it-Tnejn 7 ta’ Ġunju rajt Realta’, diskussjoni politika mmexxija minn Brian Hansford. Il-mistiednin kienu is-Segretarju Parlamentari Alex Muscat u Beppe Fenech Adami. Is-suġġett għad-diskussjoni kien iċ-ċittadinanza b’investiment, is-sistema li ġiet introdotta minflok l-IIP.
Niftakar meta l-Partit Laburista fil-Gvern vara dan il-bejgħ tal-passaporti, għalkemm mhix il-frażi eżatta. Kienet inħolqot ħafna kritika li ċ-ċitadinanza tagħna ma tista’ qatt tkun għal bejgħ. Imma l-argument l-ieħor li kien spikka kien li din id-deċiżżjoni kellha tibqa’ dejjem f’idejn l-awtoritajiet Maltin u ma kienx aċċettat ebda tip ta’ indħil mill-Unjoni Ewropea. Din kienet kondizzjoni sagrosanta imma f’Realta’ Beppe Fenech Adami xandar aħbar li għall-ewwel darba l-Partit Nazzjonalista kien se jċaqlaq il-binarji.
Fenech Adami qal li biex tiġi aċċettata s-sistema ta’ din iċ-ċittadinanza trid ikollha l-barka tal-Unjoni Ewropea. Jekk qabżitlux, jekk tkellimx żejjed, jekk żbaljax ma nafx. Li hu żgur hu li ma rtirahiex. Mela s-sistema taċ-ċittadinanza, li anke l-Partit Nazzjonalista jaqbel magħha, issa se tinbidel drastikament jekk il-Partit Nazzjonalista jkun fil-gvern, għax skond Fenech Adami, l-ewwel kondizzjoni biex tkun aċċettata hija li trid ikollha l-barka tal-barranin, jiġifieri tal-Unjoni Ewropea. Mela biex xi ħadd jitħajjar jidħol għaċ-ċittadinaza b’investiment, Malta se tħalli d-deċizzjoni f’idejn il-barranin ta’ Brussel.
Beppe Fenech Adami ressaq argument ieħor, u b’ċertezza qal li Malta għaddejja minn ‘infringement procedure’ kontra tagħha mill-istess Unjoni Ewropea. Alex Muscat irribatta li mhux veru għax kull ma ġara s’issa kien biss li Malta rċeviet ittra minn għand l-Unjoni Ewropea, li l-Gvern Malti diġa wieġeb għaliha, imma għad trid tasal it-tweġiba min-naħa tal-Unjoni Ewropea.
Kien hemm argument ieħor interessanti fejn Fenech Adami beda jinstiga lil Alex Muscat jispjega kif toħroġ il-lista tal-ismijiet ta’ dawk li jkunu akkwistaw iċ-ċittadinanza Maltija. Muscat bil-kalma kollha qal li l-Partit Nazzjonalista, biex jaqta’ l-kurżita tiegħu, jrid joħloq lista ta’ Maltin ta’ klassi u lista oħra b’Maltin fi klassi differenti. Alex Muscat qal li l-inkwiet li għandhom il-ħaddiema f’dan il-qasam huwa li l-Partit Nazzjonalista għadu ma spjegax il-pożizzjoni tiegħu ċara u allura qed jibgħat messaġġ li jekk jitilgħu fil-gvern ma jkunx hemm kontinwita’ fil-ħsieb dwar din l-iskema.
F’ħin minnhom, mingħajr mistenni u mingħajr instigat, Beppe Fenech Adami tilef il-kalma u ħataf lill-preżentatur u għaddielu kummenti ta’ kritika li la kienu f’waqthom u lanqas neċessarji. Wara li Brian Hansford staqsa mistoqsija, Beppe Fenech Adami spara dan id-diskors: “Inti qed taħseb li qed tipprova tirrepeti dak li qal l-onorevoli Muscat biex mingħalik bħal dejjem tiskorja politikament għall-Partit Laburista għax xogħlok f’dan il-program huwa għalhekk”. Dan id-diskors ħalla lill-preżentatur skantat u deher li ma setgħax jifhem għalfejn saret dik il-kritika. Kif kellu l-possibilita’ Brian Hansford wieġeb hekk: “ma nistax ma niċċarax li jiena xogħli hawnhekk bħala ġurnalist huwa li nsaqsi d-domandi kollha u dak kollu li nħoss li nsaqsi kemm lill-kelliem tal-Oppożizzjoni jew lill-kelliem tal-Gvern bħal meta jiena staqsejt lis-Segretarju Parlamentari jekk il-bejgħ taċ-ċittadinanza hiex qed inbiegħu ruħna. Aħna nsaqsu dak kollu li huwa fil-public domain u li ssaqsu intom stess”.
Imma l-arroganza ta’ Beppe Fenech Adami ma fiha ebda limitu. Biex mingħalih jinkuljuna jew jgħaddi biż-żmien lill-preżentatur Beppe Fenech Adami beda jgħidlu “Sewwa tagħmel”. Dan huwa dritt divin għalih, li jipprova jirredikola lil ħaddieħor, peress li jqis lilu nnifsu f’livell superjuri ħafna aktar minna ċ-ċittadini komuni.
Dawn huma l-iżbalji kbar li qed jippermetti l-Partit Nazzjonalista. L-arroganza fnietu. L-arroganza li refgħet rasha wara r-rebħa tal-2008 s’issa għadhom ma sabux tarfha. Min prova jneħħilhom din is-suppervja, prova jnaqqas l-arroganza u prova wkoll ibiddel il-ħsieb li l-Partit Nazzjonalista dejjem tajjeb u l-Partit Laburista dejjem ħażin, għamlulu ħajtu nfern, ma ħallewhx jaħdem sa meta tgħajjruh. Beppe Fenech Adami kien strumentali f’dan il-pass. Illum nispera li qed jilgħaq il-feriti li hu u sħabu, ħolqu lil-Partit tagħhom stess. Imma mid-dehra l-kumpless ta’ superjorita’ u l-arroganza huma żewġ fatturi umani li ma tantx teħles minnhom malajr.
