Id-destin tal-Partit Nazzjonalista wara l-elezzjoni ġenerali li jmiss.

Jekk wieħed janalizza is-sitwazzjoni politika ta’ pajjiżna, ħadd għajr Dr Bernard Grech ma hu konvint li l-Partit Nazzjonalista għadu qed jikber u ser jerbaħ l-elezzjoni ġenerali li jmiss. Tant hu konvint li għamel punt dirett lejn il-Prim Ministru u qal li fadallu anqas minn tliet mitt jum jiggverna. Iżda lil hinn minn dan kollu, jekk wieħed jaħseb ftit, wara l-elezzjoni ġenerali li ġejja ser ikollna sitwazzjoni bla preċedent ġewwa pajjiżna. 

B’telfa elettorali papali, kif inhu mistenni u kif qed juruna is-surveys, ser ikollna kap ġdid tal-oppożizzjoni. Rebħa jew telfa, il-kap Nazzjonalista jrid bilfors imur għall-vot ta’ fiduċja mingħand il-kunsilliera tal-partit. Ninsab ċert li jekk id-distakk ikun enormi, ma jkunx hemm triq oħra ħlief dik li jkun hemm kap ġdid

Il-bużilleż qiegħed hawn. Dr Adrian Delia, ex- kap tal-partit ser jikkontesta l-elezzjoni wkoll u nimmaġina li dan ser jitla’ mingħajr ħafna diffikulta. Dr Bernard Grech wkoll ser ikollu siġġu żgur fil-Parlament Malti. Dak li huwa interessanti li l-kap il-ġdid Nazzjonalista, għall-ewwel darba fl-istorja politika Maltija, ser ikollu żewġ ex-kapijiet tiegħu fil-parlament bil-qegħda ħdejh jew ħdejha. Hemm min jaħseb li dan ser ikun xenarju diffiċli għall-kap il-ġdid u għalhekk  lanqas irid ikun xagħra f’ġismu. Ma nafx jekk tkunx sitwazzjoni tad-daħk jew tal-biki.

Biss dak li naħseb li ser jiġri wkollli l-kap il-ġdid ser ikun elett minn fost id-deputati Nazzjonalisti eletti fil-parlament. Waqt li l-istatut jippermetti kap minn barra l-parlament, wara dan l-istejjer li n-Nazzjonalisti raw, ser isir aktar diffiċli għat-tesserati biex jagħżlu kap li ġej minn barra l-parlament. Mela minn għandu xi ambizzjoni għall-kap, l-ewwel irid jara li jkun ġie elett fil-Parlament wara l-elezzjoni li ġejja. U jekk l-elezzjoni tikkonferma dak li qed jgħidu s-surveys, l-għażla minn fost id-deputati ser tonqos għaliex iċ-ċans huma li jitilgħu inqas deputati Nazzjonalisti.

Daqshekk ħadmu bil-għaqal dawk id-deputati li akkost ta’ kollox riedu jtajru lill-Dr Adrian Delia.

U l-borma tkompli titħawwad.

One comment

Leave a Reply