L-unika mediċina għall-Partit Nazzjonalista: barra l-klikka!

Blog post minn osservatur politiku

Il-maratona ġbir ta’ fondi kompliet issaħħaħ l-argument li qed nagħmel li l-Partit Nazzjonalista qed jegħreq, u qed jegħreq b’mod mgħaġġel ħafna. Il-maratona ġiet l-għada ta’ daqqa qawwija minn survey diżastruż. Issa nista’ nikteb b’wiċċi minn quddiem li l-Partit Nazzjonalista qiegħed fl-għafja tiegħu.

Ir-rankatura l-isfel ilha li bdiet minn żmien Gonzi. Hu u sħabu huma kolpevoli ta’ reat kbir jissejjaħ arroganza. Dik hija attitudni li tagħmel ħsara li ma titkejjilx. Biex tgħaxxaqha wara tfaċċat ir-ras iebsa ta’ Simon Busuttil li flok irrispondiet għall-għajta tas-sostenituri Nazzjonalisti, intilfet fuq għajta ta’ persuna waħda li kellha aġenda waħda li teqred il-Prim Ministru Joseph Muscat.

Simon Busuttil għażel il-linja tas-Sinjura Daphne Caruana Galizia u waslitu għal disfatta ħafna ikbar. It-tliet snin, din il-klikka ta’ Daphne rat kif tniżżel lil Adrian Delia u lill-Partit Nazzjonalista fil-qiegħ. Li kieku Adrian Delia kien għamel xi dnubiet mejta, ippruvati mingħajr l-iċken sinjal ta’ dubju, kont inkun l-ewwel wieħed li ningħaqad ma’ din il-klikka li riedet ittajru. Biss paroli si fatti no. Għadna sal-lum, matul u wara dik il-mixja ta’ tliet snin martirju, ma rajna xejn iswed fuq l-abjad bħala prova fuq xi wieħed mid-dnubiet tiegħu. X’ħasra. X’politika ta’ ħdura! X’politka msejsa fuq l-arroganza. X’politika personali milli komunitarja. Poġġew lil min riedu.

Fit-triq tal-għażla tal-midluk ħarqu oħrajn. Issa jixtiequ jneħħu d-dilka minn fuq il-persuna li għażlu. Issa too late ja qabda assassini politiċi. Qed ngħid hekk mhux għax qatlu lil xi ħadd umanament, imma għax qatlu l-entużjażmu politiku tan-Nazzjonalisti u ta’ dawk li dejjem issimpatizzaw mal-linja politika tal-Partit Nazzjonalista.

Imma llum f’hix qegħdin? Is-sinjali li qed jaslu huma koroh. Bejn il-Ħadd u t-Tnejn, fl-ewwel ġimgħa ta’ Ġunju, l-poplu Malti u Għawdxi qallhom ma rridux nafu bikom iżjed. Qażżiżtuna u xebbajtuna. Żewġ voti ta’ sfiduċċja qawwija lill-Kap, Dr. Bernard Grech. Ma għandek lil ħadd jattakkak fil-miftuħ. Internament jeżistu, imma ma hemm ħadd li qed jagħmel bħal ma għamlu lil Adrian Delia.

Mela l-messaġġ li qed jasal huwa ċar. Ma għandniex fiduċja fil-Kap għax mhux kapaċi juri sninu. Mela żewġ kapijiet wara xulxin li l-klikka mhux qed issostnihom. Wieħed ma ħamluhx minn qabel tela’. L-ieħor mhux al altezza tagħhom. Ir-riżultat huwa ċar. Warrbu lil ta’ qabel dan u issa se iwarrbu lil dan tal-lum.

Żewġ kapijiet li pruvaw imma ma paxxewx. Żewġ kapijiet li l-klikka ma tathomx il-fiat tagħha. Żewġ kapijiet li ma kienux għall-altezza tal-klikka. Żewġ kapijiet li l-klikka sfiduċjat. Imma possibbli mill-2017 ‘l hawn il-kapijiet kienu dejjem żbaljati? Imma possibbli l-kapijiet qatt ma għamlu jew ħarġu b’xi pożizzjoni attrajenti jew tajba.

Le għall-klikka t-tnejn ma tridhomx. Mela bla ma trid tistaqsi, min hu l-ħażin politikament, il-kapijiet jew il-klikka li qed tiddetta? Jien se nagħti risposta kif inħoss jien. Għalija ż-żewġ kapijiet ippruvaw. Għalija ż-żewġ kapijiet qed jagħtu saħħithom għall-Partit Nazzjonalista. Imma kollu għal xejn. Ma humiex joqgħodu għall-aġenda tal-klikka. X’se jagħmel il-Partit Nazzjonalista? X’se jagħmlu l-partitarji? X’se jagħmlu l-votanti? Jekk l-amministrazzjoni tal-partit mhux se tqum fuq tagħha, jekk l-amministrazzjoni tal-partit mhux se taqra s-sitwazzjoni preżenti b’kuxjenza safja, jekk l-amministrazzjoni tal-partit mhux se tifhem is-sinjali li qed jintbagħtu mill-votanti u partitarji tal-partit, allura se tkun l-amministrazzjoni li trid terfa’ r-responsabilita’ tad-diżastru ssenjalat għall-elezzjoni li ġejja. Biss jekk tipprova tifhem, u l-amministrazzjoni tibda’ tieħu l-azzjoni mil-lum id-diżastru jista’ jitnaqqas għax jistgħu jitpoġġew xi ilquh. L-amministrazzjoni hija obbligata li taġixxi. L-amministrazzjoni hija fid-dmir li ssib il-mediċina għall-marda serja politika li teżisti fil-Partit Nazzjonalista. Il-marda tafu minn fejn ġejja. Ma hemmx bżonn ta’ aktar provi. Niftakar tajjeb il-billboards ta’ matul il-kampanja elettorali tal-1971 imtellgħin mill-Parit Laburista: Malta marida mediċina Mintoff. Illum għandna bżonn ieħor simili: Partit Nazzjonalista marid, mediċina barra l-klikka!

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *