Jekk int kompliċi… int bħalhom

Blog post politiku

Iż-żmien u l-esperjenza tgħallimna li ċertu nies ikollhom id-dinja taħt idejhom, pero’ xorta waħda ma jkunux kuntenti. Ikunu jridu aktar, u dan kemm fi flus, pjaċir u poter. Li l-poter iġib miegħu l-flus, hija xi ħaġa ndiskutibbli. Ħafna nies qabel ma jħarsu lejn il-flus, jew sabiex ikollhom aktar flus, jgħaddu minn triq oħra li l-ewwel jakkwistaw il-poter. Il-poplu m’għadux ċuċ. Dawn l-affarijiet ixommhom minn mili l-bogħod. Mhux qed ngħid li ġara hekk fil-Partit Nazzjonalista, pero’ għadni s’issa ma nistax nirraġuna ġewwa l-garigori ta’ moħħi x’wassal lil Dr Bernard Grech sabiex jikkontesta lil Dr Adrian Delia. Għalija kull pass li għamel kien wieħed żbaljat jew mhux ikkalkulat sew.

Ħalli nibdew bis-sitwazzjoni li kien fiha l-Partit Nazzjonalista meta Dr. Adrian Delia kien kap. Ipprova fuq li pprova sabiex joħroġ l-id tal-ħbiberija ma’ dawk li ma rieduhx hemm mill-ewwel jum. Ir-riżultati baqgħu l-istess, u kien evidenti li jipprova kemm jipprova, telfa elettorali oħra kienet qed tħabbat il-bieb. Xorta nemmen li jekk kien hemm persuna li setgħet tressaq il-famużi “floaters” jew dawk il-Laburisti li l-gvern tagħhom stess kien dejjaqhom, ma kien ħadd ħlief Dr. Adrian Delia. Pero’ nemmen ukoll li bil-gambetti kontinwi u l-gideb, li llum il-ġurnata għandna konferma miktuba li kienu kollha fabbrikat bi ħdura, Dr Adrian Delia ma kienx ser jirnexxilu jerbaħ l-elezzjoni. 

Allura hawn nistaqsi, mela għalfejn Dr Bernard Grech, minn persuna li dejjem żamm distanza mill-politika, deffes denbu f’mument daqshekk delikat? Għalfejn ma ħallewx lil Dr. Delia jikkontesta l-elezzjoni li jmiss bħala kap, u wara telfa ċerta, jinbidel il-kap, u forsi wara ħafna snin issir din l-imbierka għaqda li kulħadd isemmi? Possibli Dr. Grech ma għamilx il-kalkoli sewwa? Possibli li Dr. Grech ma kienx konxju li sabiex idawwar dawk il-votanti kollha kellu bżonn ħafna aktar minn miraklu? Allura nibda naħseb, u ninsab kważi ċert li dak li ġara, kien premeditat. Kien maħsub sabiex jirredikolaw lil Dr. Adrian Delia. Kienu ċerti li l-unika persuna li tista terbaħlu kien appuntu Dr. Grech anke jekk jibqgħu fl-oppożizzjoni għal ħames snin oħra.

Anke jekk jiġu jitnejku minn Nazzjonalisti ġenwini li taw kollox lil Partit Nazzjonalista li tant iħobbu, ma kien jinteressahom minn xejn. Dawn huma l-istess nies li gerrxu kemm felħu Nazzjonalisti l-bogħod mill-Partit Nazzjonalista. Dawn huma l-istess nies li ma jixraqilhomx kelma oħra għajr tradituri ta pajjiżhom, u qed ngħid hekk għaliex pajjiżna jixraqlu oppożizzjoni ħajja. Oppożizzjoni li lesta tiggverna kif appena l-poplu jħoss li għandu jsir dan. Iżda llum fil-verita’ għandna oppożizzjoni? F’kelma waħda jekk Dr Bernard Grech, kien jifforma parti minn din il-konfoffa malinna, allura dan ifisser li hu wieħed minnhom u ser jasal dak iż-żmien li jieħu anke hu dak li ħaqqu. Jiġi mormi u jibqa’ mfakkar bħala l-Kap tal-Partit Nazzjonalista li għamel l-iqsar żmien f’dik il-kariga.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *