Il-Proposta tal-Partit Nazzjonalista għal Ħondoq ir-Rummien: prova oħra għala l-poplu qed jinjora lill-Partit Nazzjonalista.

Blog post minn osservatur politiku

Il-bieraħ smajna priedka fejn intqal li l-Partit Nazzjonalista għandu ħafna proposti tajbin biss għalxejn jitkellem dwarhom għaliex il-poplu ma jridx jismagħhom. Naħseb li l-verita’ hija bil-maqlub. Il-poplu qed jixtar sew il-proposti u aktar qed idur kontra l-istess Partit Nazzjonalista minħabba dawn l-istess proposti. Illum ser nitkellem dwar waħda minnhom: dik għal Ħondoq ir-Rummien.

Mela dan il-partit l-ewwel qal lis-sidien ta’ din l-art li jistgħu jibnuha u issa jrid jixtriha lura. Mela l-ewwel b’daqqa ta’ pinna, taħt Gvern Nazzjonalista, din l-art nbiddlet minn ODZ u ddaħħlet fiż-żona ta’ żviljupp. Issa l-poplu qed ikun mitlub biex iħallas sbatax-il miljun (17) biex terġa’ jsir ODZ. Dawn suppost politiċi li jħaddnu l-istess twemmin. Dawn politiċi ġejjien mill-istess Partit Nazzjonalista. Dawn politiċi li suppost jifhmu n-neċessitajiet tal-poplu. Mela din l-art kienet barra miż-żona ta’ żvilupp u issa rriduha lura f’idejn il-gvern biex nerġgħu nagħtuha lill-pubbliku bħala ODZ. Din hija storja li tmur lura għall-2006 meta din l-art kienet indikata bħala art li ma tistax tiġi żviluppata. Iżda b’daqqa ta’ pinna fl-2006 din saret art preżjuża għal dawk li kienu propretarji tagħha għax f’daqqa waħda din l-art saret żona ta’ żvilupp.

Issa wara tant tentattivi biex tiġi żviluppata u dejjem il-Qalin jipprotestaw u jiġġieldu kull tip ta’ żvilupp, qamet kwistjoni fuqha għax il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li meta jkun fil-Gvern jixtriha biex jagħtiha lura lill-poplu. Meta ħareġ b’din l-idea Bernard Grech ma kienx jaf kemm se tiswa lill-poplu Malti u Għawdxi din il-proposta. Is-sidien malajr qalulu, għax sparawlu ċifra ta’ 17-il miljun. Isa Dr Grech faqqallhom 17-il miljun, hekk jew b’hekk, mhux minn tiegħek għax minn flus il-poplu! U bil-wiċċ vili kollu tgħajjar lill-Prim Ministru li ma għandux soluzzjoni.

Dr Grech qalilna li waqt li l-Partit Nazzjonalista sab soluzzjoni, Dr Robert Abela qed jittutiba. Mela flus il-poplu Malti jssibhom fuq is-siġar. Dawn iridu jiġu minfuqa b’mod serju u trasparenti. Jiena soluzzjoni bħal dik li taqbad u tagħti 17-il miljun, minħabba li politiku fl-2006 iddeċieda li jbiddel il-linja tal-ODZ, għalija jfisser serq sfaċċat. Naqbel u nkompli ninsisti li ma għandux isir żvilupp f’din iż-żona tant sabiħa għax tinqered darba għal dejjem, bħal ma qed jinqered Għawdex kollu. Imma lanqas naqbel li kapriċjożament jinħarġu dawk il-flus kollha minn flus il-poplu.

Fl-2006 kien il-politiku, allura l-Gvern ta’ dak iż-żmien, li għamel dawn l-alterazzjonijiet fl-ODZ. Nispera li mhux biex jiġu aġevolati xi nies, għalkemm dak iż-żmien niftakar li kien hemm għajdut sħiħ fuq hekk. Mela fl-2006 kienet deċiżżjoni politika li mid-dehra lill-Gvern dak in-nhar ma swietlu xejn. Issa jekk fl-2006 kien hemm Gvern Nazzjonalista, il-Partit Nazzjonalista fl-Oppożizzjoni llum, għandu jgħin lill-Gvern biex tinstab soluzzjoni biex din id-deċiżżjoni titreġġa lura mill-Gvern bl-approvazzjoni tal-Oppożizzjoni.

Fl-opinjoni ta’ ħafna, il-Kap tal-Oppożizzjoni qed ikun kapriċjuż u l-Prim Ministru qed ikun kawt. Nispera li f’dan il-każ jitwarrab il-partiġġjanizmu u jirrenja s-sens komun. Jiena nawgura li din il-problema tiddawwar f’opportunita’. L-iżvilupp ġo Għawdex tant kiber li se jeqred lill-gżira Għawdxija. Il-kwantita’ ta’ applikazzjonijiet li hemm, tant se jkomplu jeqirdu lill-gżira Għawdxija li Għawdex se jispiċċa mibdul f’massa konkrit.

Mela nistieden lill-politiċi Għawdxin u lill-Għawdxin kollha ta’ rieda tajba, huma min huma, biex iqumu għall-okkazjoni u jfasslu pjan flimkien biex Għawdex ikompli jżomm l-identita’ tiegħu, ma jinqeridx bi żvilupp bla rażan, ikomplu jindukraw iż-żoni rurali kollha tal-gżira u ma jħallux is-sbuħija Għawdxija tkompli tinqered minħabba erba’ sangisugi li qed jaħtfu kullimkien biex jagħmlu l-flus. Għawdex tal-Għawdxin li kull ma jridu hu li jgħożżu n-natura sabiħa li Għawdex dejjem offra.

Leave a Reply