Għaliex il-Ħadd li għadda The Sunday Times ma tatna l-ebda aħbar esklussiva marbuta ma’ Yorgen Fenech?

Mela l-bieraħ kompliet il-kumpilazzjoni ta’ Yorgen Fenech dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Il-pulizija ġabet lil Vince Muscat magħruf bħala l-Koħħu biex jixhed. X’ħarġet mix-xhieda? Kemm kien involut f’dan id-delitt Melvin Theuma!

Vince Muscat beda biex jiġi mistoqsi mis-Supretendent Arnaud dwar il-qtil. Biss fl-ebda mument, għall-inqas mix-xhieda li ngħatat minn Vince Muscat, u kif din ġiet rappurtata mill-gazzetti, ma ssemma’ l-isem ta’ Yorgen Fenech. Tgħidulix li dan qed jaħbi tagħrif dwar Yorgen Fenech? Dan jaf b’informazzjoni li allegatament tinvolvi ministru tal-gvern f’dan ir-reat, kif ukoll f’reati oħra. Mela għaliex ma qal xejn fuq Yorgen Fenech, li skont il-media dan huwa l-mastermind ta’ dan id-delitt? Huwa possibli li persuna, illum xhud tal-pulizija, ma taf xejn dwar Yorgen Fenech u l-involviment tiegħu f’dan id-delitt? Jekk din il-persuna ma taf xejn dwar Yorgen Fenech, dan għaliex Yorgen Fenech mhux verament il-mastermind ta’ dan id-delitt. Kieku kien verament il-mastermind, kieku din il-persuna kienet tkun taf ħafna dwar Yorgen Fenech u l-involviment tiegħu f’dan il-qtil.

Biss dak li hu ta’ interess f’dan kollu, mhux din l-aħbar, imma in-nuqqas ta’ aħbarjiet dwar Yorgen Fenech fil-gazzetti tal-Ħadd li għadda. Kull meta kien ikun ser ikollna xi kompilazzjoni li fiha ser jidher Yorgen Fenech, bi preparazzjoni għaliha, is-Sunday Times u gazzetti oħra dejjem jippreparaw lill-qarrejja b’xi aħbar esklussiva dwar Yorgen Fenech innifsu, meħuda mill-Whats App messages tiegħu. Jekk mhux hu, xi aħbar dwar xi xirk ta’ Yorgen Fenech. Dan dejjem isir biex Yorgen Fenech jiżżeffen fin-nofs fl-istorja. Bħal per eżempju xi aħbar dwar xi partner fin-negozju ma’ Yorgen Fenech u l-gazzetti jgħidulna fuq xix kien qed ikun investigat.

Il-Ħadd li għadda ma kellna l-ebda storja esklussiva f’The Sunday Times u f’gazzetti oħra dwar Yorgen Fenech, anki jekk il-bieraħ kompliet il-kompilazzjoni dwaru. U llum ser tkompli tinstemma’ l-kompilazzjoni ta’ Yorgen Fenech. Min jaf għaliex? Forsi għaliex kienu jafu li Vince Muscat, il-Koħħu, ma kellu xi jgħid xejn fuq Yorgen Fenech?

Dak li hu żgur li fil-kompilazzjoni tal-bieraħ, Vince Muscat ittella’ bħala xhud tal-pulizija. Dan hu wieħed li ammetta l-involviment tiegħu f’dan id-delitt. Dak li hu żgur li dan Vince Muscat, magħruf bħala l-Koħħu, ma semma’ mkien l-involviment ta’ Yorgen Fenech f’dan il-qtil. Biss issemma sew l-involviment ta’ Melvin Theuma li l-prosekuzzjoni u l-pulizija u l-ġurnali sħabhom issa qed ipenġuh qiesu xi San Domenico Savio! 

Leave a Reply