Xi skużi jista’ jġib Bernard Grech wara survey u ġbir ta’ fondi disastruż?

Blog post minn osservatur politiku

Bernard Grech sab żewġ skużi banali biex jipprova jiskuża d-diżastru assolut li l-Partit Nazzjonalista qiegħed fih meta riesaq viċin ħafna ta’ elezzjoni. Dan ir-riżultat ħareġ minn survey tal-Malta Today fil-ġurnata stess li saret l-intervista. Il-Malta Today qaltilna li l-ewwel raġuni għal dan ir-riżultat huwa li l-messaġġ qed jasal imma l-Partit Nazzjonalista mhux jikkonvinċi biżżejjed.

Ħa nippruvaw nifhmu dan it-tidwir bil-kliem ta’ Bernard Grech x’inhu. Bernard Grech uża dan il-kliem fit-tweġiba tiegħu. Grosso modo is-survey qed juri li l-Partit Nazzjonalista qiegħed fl-istess ilma tal-aħħar survey. Dan il-kliem daħħalli d-dubju allura mort niċċekkja. Jiena nifhem li l-Kap tal-Partit għandu jkun jaf eżatt in-numri ħalli almenu jagħti risposta kif suppost u mhux risposta mbabsa.

F’Mejju d-distakk kien 39,000 voti. F’Ġunju 48,000 voti. In grosso modo baqa’ l-istess qalilna Dr Grech! Jekk il-Kap tal-Partit Nazzjonalista jaħseb li differenza ta’ 9,000 vot inqas minn xahar għall-ieħor hija l-istess jew disa’ t’elef vot ma jinkwitawhx, mela ma għandiex għalfejn ninkwieta jekk ma nivvutax. Biss dak li qal fuq din ir-raġuni tmur iżjed minn hekk. Bernard Grech qed jgħidlek li l-messaġġ tiegħu personali qed jasal, mela hu sejjer tajjeb, imma l-messaġġ tal-Partit Nazzjonalista li huma deputati, kandidati, nies fil-kumitati, fergħat eċċ eċċ mhux qed jasal, allura mhux qed jagħmlu xogħolhom.

Qed tara kif skolpa ruħu fil-pront. “Mhux tort tiegħi, tort tagħkom”, nisħajlu qed jgħidilkom. Għaliex qed ngħid dan? Għax hu qal li d-distakk bejn il-kapijiet naqas. Mela hu għamilha l-biċċa tiegħu. Li ma qalilniex Dr Grech hu li xahar ilu naqas -10 punti u llum irkupra +4. Mela jekk tistaqsi lil xi istudent tar-raba’ sena tal-iskola primarja u tgħidlu jekk għandek -10 and tiddobba +4, x’ikun ir-riżultat. Dan żgur jgħidlek li għad trid tiddobba 6 ponti oħra. Meta tkun trid tgħaddi ż-żmien bin-nies. Dr Bernard Grech, mur tkellem fuq pjaneta oħra u tkellimx lilna.

It-Times of Malta kkonċentrat il-messaġġ tagħha dwar is-survey fuq raġuni oħra. Il-gazzetta kkwotat lil Bernard Grech jgħid li peress li n-numri ta’ każi tal-Covid-19 qed jonqsu allura f’Malta daħal a ‘good feel factor’ fil-poplu u rrispondew is-survey favur il-Partit Laburista. Imma possibbli ma hux kapaċi dan ir-raġel jirrispondi l-mistoqsija bil-verita’ u b’umilta’. Hemm għalfejn idur mal-lewża. Hemm għalfejn jiddejjaq jgħid li l-partit fil-Gvern għaddej b’leħen wieħed, sod u qed jakkwista r-riżultati, anki jekk fil-verita’ hemm ħafna qsim intern. Il-Partit Nazzjonalista għadu ħafna l-bogħod mill-għaqda u milli jkun propożittiv. Għada ħafna l-bogħod li jħalli l-inkwiet intern tiegħu moħbi.

Dik hija l-verita’ Dr Grech. Għalfejn tipprova tinħeba wara raġunijiet banali u li mingħalik se jemmnek xi ħadd. Kompla jgħidilna li hu se jżomm il-wegħda tiegħu biex iwassal Partit Nazzjonalista ħafna aktar b’saħħtu u ħafna ikbar, billi ikompli jisma’ x’għandhom xi jgħidu n-nies. Ilu jgħid dan l-istess diskors minn qabel ma sar Kap, kważi għaxar xhur. In-nies ukoll qed tgħidlek bħal ma qed jgħidulek sħabek ta’ madwarek, dħalt f’żarbuna kbira ħafna għalik u qed titfgħak għal wiċċek sikwiet.

Il-ġurnalista tiegħu, għax kien ġurnalista tan-NET, qallu li Dr Grech xaharejn ilu kien qal li se jieħu deċiżżjonijiet drastiċi mingħajr ma jħares lejn wiċċ ħadd. Smajtu b’xi deċiżżjoni li ħa? Hu ma ħa ebda deċiżżjoni drastika żgur. Taf min qed jieħu d-deċiżżjonijiet drastiċi? Il-kandidati, bħal ma għamlet Therese comodini Cachia, meta qalet li mhux se tikkandida ruħa għall elezzjoni ġenerali li ġejja. Ma ninsewx li kien hemm oħrajn qabilha. Irrid ngħidilkom x’irrisponda għal din il-mistoqsija Dr Bernard Grech? Un bel zero, għax aqta’ kif ħarab minnha l-mistoqsija, daqs li kieku staqsih fuq il-babaw.

One comment

Leave a Reply