Residenti jilmentaw bi twaħħil ta’ ventilaturi għall-fuel gol-abitat

Ftit tal-jiem ilu tellajt post dwar l-enġinier Ryan Callus. Dan il-post, miktub minn osservatur politiku, kien jittratta dak li qal l-inġinier Callus fil-Parlament dwar il-liġi li temenda l-professjoni tal-inġinira.

Persuna kitbitli privatament. Din il-persuna għandha qraba tagħha li qed ibatu l-konsegwenzi ta’ xogħol li sar fuq pompa tal-petrol. Dan ix-xogħol jittratta refurbishment ta’ pompa li tinsab fl-abitat. Dan ir-refurbishment kien ifisser li tkabbar il-fuel capacity ta’ din il-pompa. B’hekk kien hemm bżonn ta’ twaħħil ta’ ventijiet (vents) tal-pajpijiet tal-petrol u diesel għall-arja minn dawn it-tankijiet. Skont il-liġi dawn il-vents (jew pajpiet tal-arja) iridu jkunu mill-inqas 3.5 metri bogħod minn kull tieqa. F’dan il-każ, id-distanza hija ħafna inqas.

Dan il-każ spiċċa biex is-sidien ta’ djar milquta jidħlu l-qorti. Dawn qed ifittxu inġinier biex jiċċertifikat li dawn il-vents huma verament kontra l-liġi. Din il-persuna qaltli hekk:

‘“to be honest with you”, kemm jeżistu inġiniera, temmen li ċempilna 17-il wieħed għal rapport fuq dan li qed isir f’Ħaż-Żebbug u ħadd ma jrid jaċċetta! Ħadd ma jrid jirfes il-kallu ta’ ħaddieħor! Għaliex?”

Sadanittant, il-persuni kkonċernati kitbu lill-Ombusman u l-Ombusman kiteb lill-Planning Authority. Il-Planning Authority irrikonoxxit li dawn il-ventijiet tal-arja, għalhekk iridu jiġu 3,5 metri l-bogħod, f’dan ma kienux. Biss il-permess ħarġitu xorta għaliex skont il-Planning Authority, dan kien każ ta’ refurbishment ta’ pompa u mhux pompa ġdida. Flok tlieta ngħataw sitta vents u s’issa twaħħlu erba’.

Fuq kollox, din il-persuna li kitbitli qaltli li meta l-ERA għamlet ir-rapport tagħha tkellmet fuq is-siġar u l-protezzjoni tagħhom u fuq ir-residenti u l-protezzjoni tagħhom ma tkellmet xejn!

Leave a Reply