Where your opinion counts

Iridu jtajru lil Toni Bezzina biex Bernard Grech forsi jitla’ ftit aħjar

Partitarju Nazzjonalista mill-Ħames Distrett

Jekk hu veru li qalet il-Kulħadd nhar il-Ħadd li għadda li Bernard Grech qed jagħmel l-isforzi tiegħu kollha biex ma jħallix lil Toni Bezzina jikkontesta l-Elezzjoni Ġenerali li jmiss, allura veru l-Partit qed jirredikola ruħu ma kull ħaġa li jgħid, li jaħseb u li jagħmel. Jekk mingħalik li l-pampaluni li għandek madwarek se jbellgħuhielna li Toni Bezzina aħjar ma joħroġx minħabba saħħtu, għandkom żball kbir.

Toni Bezzina huwa l-kandidat ta’ ħafna minnha fuq dan id-distrett. Issa jekk tfaċċa Bernard Grech minn imkien u jaħseb li kulħadd għandu jagħmillu il-wisgħa, qed jimmaġina ħażin u qed jażżarda jdardar l-ilma li jrid jixrob minnu. Toni Bezzina huwa l-kandidat li qiegħed f’qalbna, huwa l-kandidat li dejjem jiġri magħna, huwa l-kandidat li lilna iqiesna ħutu mhux biss politikament imma f’kollox. Aħna lil Toni nfittxu meta jinqala’ xi ħaġa. Aħna lil Toni nistaqsu f’dak kollu li għandna bżonn. Aħna għand Toni nirrikorru biex jindirizza magħna xi problema li nkunu qed niffaċċjaw.

Toni Bezzina ilu magħna u rridu lilu jibqa’ magħna. Għandna fiduċja fih u hu jaf li għandu r-rispett qatigħ tagħna. Jekk Bernard Grech qed jibża’ mill-unijiet fl-elezzjoni li ġejja għadu biċ-ċans kollu li jdabbar rasu minn fuq il-ħames distrett u joħroġ fejn irid. Bħala Kap għandu l-kumdita’ tal-għażla u jista’ joħroġ fuq kull distrett. Imma aħna fuq il-ħames distrett għandna għal qalbna lil Toni Bezzina u ħadd ma hu se jikkonvinċina nħażżu l-unu fil-kaxxa ħdejn isem Toni fuq il-karta tal-vot tagħna. Dejjem kienet l-użanza tal-partitarji politiċi Maltin u Għawdxin li l-unijiet imorru fuq il-Kap tal-Partit għal fiduċja sħiħa fih. Dik kienet użanza li stajna nibqgħu nħaddnuha, imma dan il-Kap kulħadd jaf li huwa eċċezzjoni għar-regoli tal-logħba. Dan tfaċċa fuq ix-xena minħabba ribelljoni nterna, u spiċċa f’din is-sitwazzjoni għax l-għardir ta’ klikka valenuża qaċċtet lil ta’ qablu. Dik kienet mossa oxxena u aħna ma aħniex se nibdlu ż-żiemel tagħna, ma’ politiku li daħal fix-xena politiku, li daħal mit-tieqa flok mil-bieb, biex isodd toqba u jintuża bħala staffa għal vendikazzjoni ta’ ċorma nies ribelli.

Kemm sirna qiegħdin tajjeb f’dan il-Partit. L-avukat irid jilgħabha tat-tabib biex igawdi hu, jersaq fuq kollega u jgħidlu jirtira għax minn hawn u ftit ieħor jiġi konsidrat avversarju fil-ġirja għall-voti. Jaħasra kemm għandhom qalbhom ġungliena Dr Bernard Grech u ta’ madwaru. Kemm jafu jħossuhom qalbhom taħraqhom għax jaqblilhom. Ibqgħu sejrin hekk u tisvintaw il-Partit anke mill-kandidati li suppost se joħorġu għall-elezzjoni li ġejja.

Il-Kulħadd qed jgħid li xejn ma niżlitlu tajjeb lil Toni Bezzina din il-manuvra. Aħseb u ara lilna li niġġieldu għalih. Nafu għax naraw fuq il-Facebook page tiegħu, li Toni Bezzina għaddej iżur id-djar kull mument li jkollu. Is-sinjal ta’ Toni Bezzina huwa b’saħħtu. Jien hawn qalb il-kostitwenti tiegħi u tażżardawx tmissuni. Jaf Bernard Grech li Toni kien l-aktar kandidat li ġab voti fuq dan id-distrett, allura x’qed jippretendi issa Bernard li jdabbarlu rasu? X’qed jaħseb li Toni Bezzina ma jieħux voti fuq livell personali u dawn il-votanti ta’ Toni jħossuhom komdi li jitfgħu l-vot tagħhom fuq kandidat ieħor, hu min hu? Għaliex Dr Grech ma avviċinax ukoll lil kandiati l-oħra fuq dak id-distrett biex jagħmlulu l-wisgħa?

Għax ma qalx lil Hermann Schiavone jdabbar rasu wkoll? Il-voti ta’ dan ma jimpurtax li jibqgħu fuqu? Ta’ Toni Bezzina qed jagħtuh fastidju?

Ħa nibgħat messaġġ kristallin lil Bernard Grech u n-nies ta’ madwaru. Toni Bezzina huwa l-kandidat tagħna. Toni Bezzina ilu jbagħti konsegwenzi minn kemm ilu li sar Kap Bernard Grech. Aħna nafu li l-amministrazzjoni tal-Partit qed jagħmlu minn kollox biex iressqu fil-ġenb lil Toni Bezzina. Iż-żiemel tagħna safa attakkat mill-Partit oppost. Pruvaw iħammġuh. Pruvaw iċappsuh. Pruvaw jaqtgħulu nifsu. Imma aħna għandna bniedem mimli sinċerita’, mimli rġulija, mimli entużjażmu, mimli mħabba sinċiera lejn il-Partit, għandna Nazzjonalist ta’ veru. Xejn u ħadd ma hu se jagħmillu dubbien fuq imnieħru. Xejn u ħadd ma hu se itebbgħalu ismu. Ħadd ma hu se jaqbdu fuq sieq ħażina għax dejjem ħaddan il-prinċipji u l-valuri sodi tiegħu. Toni Bezzina qiegħed b’qalbna u hekk tmissu lilu, tmissu lilna. Jekk tippruvaw twarrbu lilu tkunu qed twarrbu lilna. Tippruvawx tiċċajtaw magħna għax aħna nirrispondu bl-akbar serjeta’. Aħna ma għandniex kantunieri. Aħna Nazzjonalista, imma minħabba d-dardir tagħkom sirna Nazzjonalisti b’titlu aktar preċiż. Aħna Nazzjonalisti ta’ Toni Bezzina.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *