In-nies qed twasslu l-messaġġ lill-Partit Nazzjonalista

Ittra minn partitarju Nazzjonalista lil Bernard Grech

Meta wieħed iħares lejn surveys li joħorġu regolarment minn djar ġurnalistici, jaħseb li xi wħud minnhom ikunu qed jivvintaw in-numri. Lanqas temmen li l-polz tan-nies hemm barra jkun qed jinbidel daqshekk frekwenti. Iżda ħaġa tal-iskantament dik hi ir-realta’. In-nies jiżfnu skond id-daqqa.

Huwa inkredibbli, kif kap illegittimu, li qiegħed hemm biss saħħa ta’ min lil dak il-polz hemm barra rabattlu jdejh u tah xeba nerv, jibqa’ jdeffes rasu fir-ramel, u saħansitra jazzarda jiċċalenġja ir-realta’ bħal din.

Dr Bernard Grech, ha ngħidlek x’messaġġ qed jasal.

Qed jasal messaġġ, li aktar ma int ser iddum sabiex tirrealizza u tieħu azzjoni, li lill dawk li tefgħuk fil-pożizzjoni li int qed tokkupa llum, m’intix ser tagħmililhom ċara li żmienhom fil-politika spiċċa, il-messaġġ hemm barra huwa wieħed li l-Partit Nazzjonalista wasal żmienu u ma huwiex fil-bogħod li l-partit jibqa’ memorja biss.

Qed jasal il-messaġġ, li qabel il-Partit Nazzjonalista ma jagħmel qrara twila u li magħha hemm marbuta penitenza twila, il-ġranet tiegħek fil-politika huma ferm anqas mit-300 ġurnata li semmejt int stess ftit tal-granet ilu.

Trid issir qrara, li turi fir-realta’, li l-partit lest sabiex jixpruna ruħu mill-qiegħ. Li lest li jsewwi l-ħsara li saret, b’umilta’ assoluta, b’kalma kbira, u billi juri li lest jistenna eternita’ qabel mal-poplu jerġa’ jaħsibha li xi darba jħalli lill dan il-Partit glorjuż jerġa’ jigvernah.

Qabel ma jseħħ dan, żgur li l-messaġġ hemm barra ser jibqa’ l-istess, anzi nażżarda ngħid li d-distakk ser ikompli jikber.

Int għandek obbligu u dover li bħala kap, tara li dan isir anke jekk huwa ta’ detriment għalik personali. Anke jekk l-irwiefen kollha ser iqumu kontik. Anke jekk taf li b’dan l-aġir taf titlef postok, għax fil-verita dak il-post mhux tiegħek. Il-post li tokkupa huwa wiehed kostituzzjonali, u int għandek obbligu determinanti li tara li l-gvern ikollu oppożizzjoni denja.

Qed nitolbok tqum mir-raqda Ii illupjatek. Għadek fiċ-ċans li tagħmel dak li hu sewwa u li jixraq lill poplu Malti. Naddaf darek sew. Aqla l-ħmieġ kollu li għandek f’kull kantuniera. Ibda agixxi immedjatament għaliex hekk huwa mitlub minnek. Meta tibda tagħmel dan, ninstab ċert li l-polz tal-poplu jibda jdur ftit ftit. Tibqax prużuntuż u taħseb li l-bidla tista’ ssir f’daqqa waħda jew f’perjodu qasir. Diġa qiegħed tard ħafna. Tkomplix tħalli lil Gvern jixkanakhom. Issa rridu naraw kemm verament int kap. Il-mazz f’idejk.

Leave a Reply