Il-Partit Nazzjonalista jkompli jitlef il-popolarita’ tiegħu mal-Għawdxin

Blog post minn osservatur Politiku.

L-iktar messaġġ ikrah tas-survey tal-Malta Today, tal-Ħadd 6 ta’ Ġunju, li wasal għand il-Partit Nazzjonalista kien mill-Għawdxin. Kemm hi sabiħa l-mentalita’ Għawdxija. Ma hemmx tidwir fil-kliem u paroli fil-vojt. Bagħtu messaġġ ċar. Aħna se nivvutaw Labour.

Il-tliet Ministri li għandna qed jaqduna mill-koxxa. Għaxra fil-mija minn dawk li vvutaw lill-Partit Nazzjonalista fl-2017, fl-elezzjoni li ġejja se jivvutaw lill-Partit Laburista. Dak hu messaġġ ċar ta’ abbandun kważi totali mis-sostenituri Nazzjonalisti Għawdxin.

L-Għawdxi jgħidlek, jien ma rridx nejk. Jien irrid lil min jaqdini. U b’alleċċ it-tliet Ministri fehmu dan il-messaġġ. Għalqu għajnejhom u qdew lil kulħadd. Anzi għaddejja ġlieda bejniethom biex isibu nies mal-partikular jew mal-kuntrattur u jagħtuhom jobs mal-gvern.

Mela jista’ Chris Said, il-king Nazzjonalista f’Għawdex, jgħidilna liema strateġija se juża biex jikkumbatti dik tal-Partit fil-Gvern? Jidher ċar li Għawdex insteraq ħelu ħelu minn idejn il-Partit Nazzjonalista. Jidher ċar li Għawdex ħmar bil-kulur tal-Labour u saret gżira Laburista. Illuminana Chris Said x’se tagħmel biex treġġa lura lil Għawdex fi ħdan il-Partit Nazzjonalista?

Għidtha u nerġa ngħidha. Kemm ilu li Simon Busuttil ħeles minn Chris Said bħala Segretarju Ġenerali tal-Partit u qallu biex imur joħodlu ħsieb Għawdex, il-gżira Għawdxija bdiet tabbanduna lill-Partit Nazzjonalista. L-aħwa din mhux ċajta, li minn kull mitt votant Nazzjonalista f’Għawdex fl-2017, għaxra minnhom se jivvotaw lill-Partit Laburista fl-elezzjoni li ġejja.

Għawdex fl-aħħar elezzjoni, il-Partit Nazzjonalista diġa tilef it-tielet siġġu. Issa jekk ikompli jitlef 10% oħra mill-votant tiegħu, dan ikun ifisser li r-riżultat tal-elezzjoni li ġejja jkun xi ħaġa bħal dan. Se nikkalkula fuq in-numri ta’ voti fl-2017 u nżid 10% lill-Partit Laburista u nnaqqas 10% lill-Partit Nazzjonalista. Bħala perċentwali l-Partit Laburista jitla’ għal 56% u l-Partit Nazzjonalista jinżel għal 43%.

Dawn jammuntaw għal bejn wieħed u ieħor, kważi tliet kwoti u nofs għall-Partit Laburista u żewġ kwoti u nofs għall-Partit Nazzjonalista. Imbagħad tisma’ sostenituri ta’ Chris Said jgħidulek li n-nuqqas ta’ Giovanna Debono ma nħassx. Mela fl-2017 il-Partit Nazzjonalista kien mingħajr Giovanna Debono. Fl-elezzjoni li ġejja dan l-istess partit se jkun mingħajr Giovanna Debono, mingħajr Marthese Portelli u mingħajr il-mibki Frederick Azzopardi.

Il-mistoqsija tiegħi hija din. X’inhuma jagħmlu d-deputati Nazzjonalisti eletti f’Għawdex biex iwaqqfu u jdawru din l-emoriġija kollha kontra l-Partit Nazzjonalista ġewwa din il-gżira? Huma l-ħtija ta’ dan kollu? X’inhu jagħmel il-Partit Nazzjonalista biex jara li din ma sseħħx?

One comment

Leave a Reply