Għaliex iż-żjarat mill-Partit Nazzjonalista mhux ser jaħdmu: għaliex il-kap mhux Bernard Grech iżda Alessandro Farrugia
Illum, Peppi Azzopardi tella’ video biex jgħid li n-Nazzjonalisti għandu jkun hemm struttura li fiha jkun hemm dixxiplina. Ħa nispjega xi jfisser dan il-kliem. Illum il-Partit Nazzjonalista spiċċa f’sitwazzjoni li l-veru kap tal-Partit Nazzjonalista ma għadux Bernard Grech iżda sar Alessandro Farrugia. Fi kliem ieħor, meta qed jgħid biex in-Nazzjonalisti jobdu – għaliex dan ifisser meta tuża l-kelma dixxiplina – qed jgħid li għandhom isegwu d-direttivi ta’ Alessandro Farrugia. Alessandro Farrugia qed imexxi d-dixxiplina fil-Partit Nazzjonalista. Infakkar li llum l-anqas il-bord tal-etika u d-dixxiplina f’dan l-istess partit ma għadu jiffunzjona.
Illum jekk ġurnalista jitlob intervista ma’ deputat Nazzjonalista, dan id-deputat jrid l-ewwel jieħu l-permess mingħand Alessandro Farrugia. Dan hu l-istruttura fil-Partit Nazzjonalista. Jekk Farrugia jgħid iwa, dan id-deputat jagħti l-intervista. Jekk jgħid le, il-ġurnalista, jibqa’ mingħajrha.
Fuq kollox Peppi Azzopardi qal x’għandha tkun ir-riċetta ta’ suċċess. Żjarat għand in-nies. Hu semma biss fejn ħadmet b’suċċess, jiġifieri minn Alfred Sant u Joseph Muscat. Biss ma semmiex fejn din ma ħadmitx. Ħa nispjega dan il-fatt, forsi Peppi Azzopardi ma jafx bih. Iż-żjarat għand in-nies ipprova jagħmilhom ukoll Simon Busuttil, imma ma ħadmux. Simon Busuttil ipprova jimita lil Joseph Muscat f’kollox. Taf għaliex ma ħadmux dawn iż-żjarat minn Simon Busuttil? Għaliex iż-żjarat kienu kkontrollati mill-istrutturi li ħoloq Simon Busuttil stess. Kien imur fejn jieħduh id-deputati. U hekk ser jipprova jagħmel xi ħaġa simili, l-istess ser jiġrilu Bernard Grech. Bernard Grech ma għandux rajh f’idejh. B’hekk dawn iż-żjarat ser ifallu qabel biss jibdew, kif fallew fi żmien Simon Busuttil.
U kif tista’ tmur għand votanti mweġġa’ meta inti l-anqas biss għandek database tagħhom? U fuq kollox kif illum jista’ Bernard Grech imur għand votanti mweġġa’ meta huwa parti mill-kawża ta’ dawn il-weġgħat?
Peppi Azzopardi naħseb li jaf li dan Alessandro Farrugia spiċċa biex aktar qed ikeċċilu nies lil Bernard Grech milli jġiblu. Aħseb u ara kemm jista’ jorganiżżalu struttura bħal din. Ħa nfakkar fil-kliem profetiku ta’ Kristu: “tabib fejjaq lilek innifsek (Luqa 4: 23)”. Kif jista’ tabib li marrad partit ifejqu?
Bernard Grech spiċċa bl-istess deputati li tellgħuh jitkellmu kontra tiegħu. B’dak li qed jipproponi Peppi Azzopardi ser iwassal biss biex Alessandro Farrugia jkollu aktar saħħa. Jekk isir hekk, ikbar ser tkun id-disfatta elettorali.
Għaliex Peppi Azzopardi ma jagħmilx videoblog u jinvestiga kemm qed jitħallas Alessandro Farrugia talli qed ikeċċilu n-nies lil Bernard Grech? U forsi jinvestiga r-raġuni għala dan Alessandro Farrugia ngħata s-salarju li qed jingħata?
Ir-riżultat tal-maratona tal-bieraħ u s-survey tal-Ħadd qed jitkellmu waħidhom x’riżultati qed iġġib din l-istrateġija għall-Partit Nazzjonalista.