Therese Comodini Cachia twissi lil dawk li ttraduha

Blog post minn osservatur politiku

L-aħbar li Dr Therese Comodini Cachia mhux se tkun kandidata għall-elezzjoni ġenerali li ġejja jafha kulħadd. Biss f’dan l-artiklu nixtieq niġbed l-attenzjoni tal-qarrejja għal kwotazzjoni ppubblikata fuq it-Times of Malta meħuda minn kliem Dr Comodini Cachia stess. Id-dottoressa qalet hekk:

“There are so many things I could say to explain why I have taken this decision but I feel that what is important is not to dwell on these reasons.”

Din il-kwotazzjoni ta’ Therese Comodini Cachia tfisser ħafna u fiha ħafna x’tomgħod. Dr Comodini Cachia dejjem tagħtni l-impressjoni li hija mara li la taħfer u lanqas tinsa malajr. Din il-kwotazzjoni hija ndirizzata lil dawk ta’ madwarha li tmejlu biha. B’din il-kitba Therese Comodini qed twissi li dawk li wżawha, li se tibqa’ tiftakarhom.

Forsi wkoll għad jasal iż-żmien li nkunu nafu r-raġunijiet wara din id-deċiżżjoni ta’ Dr Therese Comodini Cachia. Dr Adrian Delia kien għamel ħiltu kollha biex jagħti kull possibilita’ u kull spazju neċessarju lil Comodini Cachia biex taħdem miegħu. Imma r-risposta tagħha dejjem kienet fin-negattiv. Kien u għadu qisu unur għaliha li tidħaq u tiċċaċċra ma’ Dr Andrew Borg Cardona, magħruf bħala l-boċċa li sfortunatament ħafna nies iħarsu lejn dan l-avukat bħala bniedem ardit, arroganti u pastaż. Tħossha komda mal-Boċċa, imma Therese Comodini Cachia qatt ma kienet komda taħdem ma Dr Delia għax kienet tħares lejn Adrian Delia bħala l-avukat ħamallu mill-Wied ta’ Birkirkara.

Biss donnu l-Malti dejjem isib il-qawl f’postu għal kulħadd għax kif jgħidu, kif tagħmel jagħmlulek. U hekk ġara għax ġiet użata, imwarrba u mormija minn sħabha stess. Meta ġiet id-daqqa tar-reshuffle famuż ta’ wara il-mitt jum, anke Bernard Grech ma kienx kapaċi jidfen l-animożita li nħolqot bejniethom meta ħadilha postha ħelu ħelu wara li kienet hi li dendlet il-ġonġol m’għonq il-qattus u marret għand il-President ta’ Malta. Minflok ma poġġieha Shadow Minister tal-Ġustizzja, Bernard Grech ħallieha fejn kienet fi żmien Adrian Delia. U minflokha rrenja d-dixxendent tal-Kardinal u ħa l-portafol prestiġjuż tal-Ġustizzja. Biex tkompli tgħaxxaqa, lanqas wara li Karol Aquilina allegatament inqabad fit-traffiku jostakola skorta uffiċjali u sar jaf li kien se jittressaq il-qorti, u allura kellu jirriżenja minn shadow tal-ġustizzja, xorta ma akkwistatux l-portafol tal-Ġustizzja.

Ir-raġuni tidher li kienet li biex Dr Bernard Grech ma jpoġġix lil ħu Karol Aquilina, Robert, li hu il-President tal-Għaqda Repubblika daru mal-ħajt, ddeċieda kontra d-deċizzjoni li jagħti l-Portafol tal-Ġustizzja lid-Dottoressa Comodini Cachia. Imma jekk wieħed jaqra mill-artiklu tat-Times of Malta jsib miktub li Therese fakritilu lil Bernard, għax bil-pulit qaltlu li m’hemmx għalfejn tkun fil-Parlament biex tiġġieled favur il-Ġustizzja!

Insomma taqbel magħha jew le, li hu żgur hu li l-Partit Nazzjonalista tilef mara oħra wara li dabret rasha Marthese Portelli u oħrajn. Ma nafx dan il-partit meta se jibda jieħu r-ruħ.

Ser nagħlaq dan l-artiklu b’mistoqsija lil Therese Comodini Cachia: inti għidt fil-kwotazzjoni li elenkajt aktar ‘l fuq li hemm ħafna affarijiet li tista’ ssemmi bħala raġunijiet għal din id-deċiżżjoni tiegħek imma għidt li tħoss li huwa aktar importanti li ma tidħolx fihom. Dr Therese Comodini Cachia tikkonsidra l-possibilita’ li jekk tesprimi jew telenka dawn il-problemi jew affarijet li int għamilt referenza għalihom, jistgħu jkunu ta’ għajnuna lill-Partit Nazzjonalista li, tramite dawn ir-raġunijiet, il-Partit stess ikun jista’ jagħmel eżami tal-kuxjenza u jasal biex isewwi dawn il-problemi li jistgħu jiġu ndikati?

Taħseb li jekk inti ssemmi fejn sibt il-problemi tiegħek u ma min, il-Partit ikun jista’ janalizza aktar u jipprova jsolvi dawn il-problemi profondi li bħalissa qed iħaddan u anke forsi jwarrab nies li ma jridux jaħdmu b’mod magħqud għall-ġid tal-Partit?

Leave a Reply