Metsola tumilja lil Bernard Grech: tippubblika l-manifest elettorali tagħha

Blog post minn korrispondent politiku

Roberta Metsola tumilja lill-Bernard Grech, Kap tagħha, meta qabdet u ppubblikat manifest elettorali tagħha. Imma Bernard Grech jista’ jiġi umiljat b’dan il-mod? Din hija daqqa ta’ ħarta kbira għal Bernard Grech meta waħda mill-membri tal-Parlament Ewropew tiegħu qaltlu ċar u tond, jiena m’inhiex se nistennik iżjed u se naħdem għal rasi. Roberta Metsola telqet għal rasha u xandret manifest elettori tagħha meta elenkat seba’ punti li hi tikkonsidrhom bħala punti kardinali fiċ-ċentru ta’ kull deċiżżjoni li l-pajjiż għandu jieħu qabel ikun tard wisq.

Mela qed joħroġ ċar, anke minn din is-silta biss mill-post tagħha, li Metsola qabżitilha u ma hiex beħsiebha tistenna iżjed lil Bernard Grech biex joħroġ il-punti jew proposti tiegħu għal pajjiżna. Imma apparti s-sebgħa ħsibijiet tagħha, li m’inhiex se nidħol fihom hawnhekk, l-argument bażiku f’dan l-artiklu huwa x’inhu l-iskop ta’ Roberta Metsola li toħroġ proposti tagħha, u ma titkellimx f’isem il-Partit Nazzjonalista.

Kif jgħid il-Malti, hija telqet għal rasha. Dan huwa sinjal lil Bernard Grech li hi lesta u preparata u diġa għandha l-idejat tagħha.Qed tgħidlu jien hawn nistenna, imma ffukata, u kif jagħtuni s-sinjal biex nieħu x-xettru f’idejja, immid għonqi għax-xogħol. Minn dak li qrajt wara din l-istorja fil-Malta Today, irriżulta li dan il-post fuq il-facebook page tagħha għamlitu nhar il-Ġimgħa. F’dik l-istess ġurnata kienet għaddejja konferenza dwar l-istat tan-Nazzjon (State of the Nation) li fiha kien hemm diskussjoni minn diversi nies fosthom il-Kap tal-Oppożizzjoni, dwar l-ambjent u l-iżvilupp.

Metsola ma kienetx mistiedna imma bil-facebook post tagħha qalet li hi xorta se tgħid l-ideat tagħha. Roberta Metsola kull darba li tiġi Malta tara dejjem għaddejja biż-żjarat fid-djar biex, kif tgħid hi, tibqa’ dejjem viċin in-nies u tibqa’ tisma’ dak li qed jgħidu n-nies. Tajjeb u tagħmel sew. Imma hemm bżonn li taqbad binarju differenti minn dak tal-Kap tiegħek jew tal-Partit tiegħek? Hemm għalfejn tibgħat messaġġ ta’ firda bejn id-deputati kollha Maltin u Ewropew? Hemm għalfejn tgħaddi messaġġ li int se taħdem għal rasek meta suppost anke int, għalkemm xogħlok hu ġewwa Brussel, tista’ titkellem fuq bżonnijiet lokali f’għaqda sħiħa mal-Kap tiegħek?

Dr Bernard Grech għamel diskors differenti fil-konferenza msemmija, mid-diskors li kitbet Roberta Metsola fil-Facebook post tagħha. Roberta Metsola spiċċat il-kitba tagħha Fuq facebook billi kitbet ‘We can still turn the tide’. Messaġġ fin li l-Partit għandu quddiemu l-frugħ tal-baħar qawwi, li bħalissa qed jimla’ kullimkien bil-voti Laburisti. Imma Roberta Metsola qiegħda tgħid li l-Partit Nazzjonalista, skond hi, għadna fil-ħin li ngħaddu minn fuqha, immewtuha, nirbħuwa. Tista’ tinterpreta kif trid. Imma l-mistoqsija li toħroġ minn dawn l-erba’ kelmiet hija: Kif se ndawru dan il-frugħ tal-baħar favur il-Partit Nazzjonalista? Imma min se jdawwar dan il-kwantita ta’ baħar tiela’ dejjem biex jgħatti kull rokna possibbli?

Qed nifhem messaġġ, li qed tibgħat Roberta, li fih qed tgħid li biex inkunu nistgħu nilqgħu għal din t-tide, hemm bżonn tidħol hi bl-ideat tagħha. Roberta qalet ‘we’ aħna, u hawn nistaqsi, għal min qed tirreferi Roberta, taħt it-tmexxija tagħha jew ta’ Dr Grech? Irridu wkoll niftakru li Roberta Metsola ma hiex parti mis-shadow kabinet ta’ Bernard Grech. Dik kienet idea li kienet intużat biss minn Simon Busuttil, li ma kienetx irnexxiet u twarrbet.

Issa la ma għandiex vuċi diretta bħala kelliema f’dan il-grupp ta’ deputati, li huma kelliema fuq suġġetti partikulari, fuq liema bażi fajret dawn il-proposti tagħha? Roberta Metsola għadha temmen li hi għandha tkun ir-Reġina ta’ Malta. Għadha temmen li hi għandha tkun il-Kap tal-Partit Nazzjonalista. Għadha temmen li hi l-unika possibilita’ li l-Partit Nazzjonalista joħroġ mill-abbissi li niżel fihom. Nazzarda ngħid li Roberta Metsola ċerta li l-għażla ta’ Bernard Grech ma kienetx tajba. Din hija mossa ta’ divizzjoni. Żgur li b’dak li għamlet Roberta Metsola ma bagħtitx messaġġ ta’ għaqda li l-Partit Nazzjonalista tant għandu bżonn.

https://www.maltatoday.com.mt/news/ewropej/110100/fix_our_planning_system_metsola_says_in_sevenpoint_green_manifesto?fbclid=IwAR2t_tt1qUYytkDTCaz5XA8Mv2BQrPLvoxpjH12IVHFVIJd9xv06W8Wi8UQ#.YL36afkzZPY

One comment

Leave a Reply to John Cancel reply