Għalfejn il-kontenut tal-laptop ta’ Daphne Caruana Galizia ma ddaħħalx bħala parti mill-inkjesta?
Blog post minn osservatur politiku
Fl-aħħar l-inkjesta pubblika, li skond il-Prim Ministru kellha tagħlaq fl-aħħar tas-sena 2020, waslet fit-tmiem tagħha. Qalulna t-tliet rappreżentanti fuq il-bord li issa se jmorru jiktbu r-rapport tagħhom. Imma kif jgħid l-Ingliż ‘they finished with a bang’.
Fl-aħħar tal-inkjesta dawn talbu li ċ-chats ta’ Yorgen Fenech għandhom ikunu parti mill-evidenza tal-istess inkjesta. Hawnhekk jibda’ jitqalleb il-moħħ. Il-ġurnalisti rrappurtaw li Maġistrat Montebello kienet għamlet divjit fuq il-pubblikazzjoni ta’ dawn iċ-chats. Jiġifieri dawn mhux suppost ixxandru jew saret referenza għalihom barra mill-awla tal-qorti tagħha. Biss wara li staqsejt sibt li mhux eżatt hekk ġara. Il-maġistrata ppermettit fid-degree tagħha li ċertu chats jistgħu joħorġu. Qaluli wkoll li wara tat degree ieħor u kompliet irristrinġit kif jistgħu dawn iċ-chats jixxandru barra mill-qorti. B’hekk ċertu chats setgħu jiġu ppreżentati fil-inkjesta iżda mhux fil-pubbliku. B’hekk dawn ġew ippreżentati fil-magħluq u ma jistgħux jiġu ppubblikati l-anqas mill-bord tal-inkjesta. Apparti li ċertu ġurnalisti b’xi mod jew ieħor, għandhom f’idejhom koppja ta’ dawn iċ-chats li jużawhom kif u meta jaqblilhom, imma kont nippretendi rappurtaġġ aħjar.
Biss hemm ħaġa oħra li tinkwitani ħafna. Jekk dawn it-tliet rappreżentanti tal-poplu fuq din l-inkjesta ngħataw dawn iċ-chats ta’ Yorgen Fenech u issa daħħluhom bħala parti mir-rapport tagħhom ta’ evidenza, imma mhux ser ikun magħmula pubbliċi għax dak li ser ikun pubbliku huwa l-konklużjoni tal-inkjesta. Biss dawn is-sinjuri ma kienx jidhrilhom li l-laptop u l-informazzjoni li kien hemm ġo fih kellha wkoll tkun parti mill-informazzjoni relevanti li kellha tiddaħħal fir-rapport tal-inkjesta? Dan il-laptop mhux suppost kien jew qiegħed għand l-Imħallef Mallia, li hu wieħed mill-Bord members fuq din l-istess inkjesta? Kif jistgħu dawn is-sinjuri rappreżentanti tal-pubbliku fuq din l-inkjesta, ma jħossux l-ħtieġa li dak li hemm mistur fil-laptop tal-istess Daphne Caruana Galizia, ma jkunx fl-inkjesta? Għala dan il-materjal ta’ dan il-computer ma daħalx fl-inkjesta? Kif diġa għidt ‘the mind boggles’.
Sa fejn nafu, intom qed tirrappreżentaw il-pubbliku ġenerali u qed tagħmlu u għamiltu ħilitkom biex tissodisfaw lill-bniedem tat-triq li kollox sar sew. Fuq kollox, la darba tlestu r-rapport, ser tippubblikaw il-konklużjoni tal-inkjesta. Biss meta informazzjoni importanti bħal din hija nieqsa minn din l-inkjesta, wieħed jistaqsi jekk hux il-każ li qed tibagħat messaġġ li mhux kollox huwa ċar u trasparenti f’din l-inkjesta li swiet lill-poplu bagatella tajba.