Ser jissejjaħ l-Esekuttiv tal-Partit Nazzjonalista wara dan is-survey disastruż?

Blog post minn osservatur politiku

Illum, il-Ħadd 6 ta’ Ġunju, il-Malta Today tawna s-surveys tagħhom ta’ darba fix-xahar. Kif ħabbart inti, il-Malta Today qaltilna li l-Partit Laburista żied il-vantaġġ għal ħamsin elf vot (50,000 votes) distakk. Riżultat diżastruż għal Bernard Grech u għall-Partit Nazzjonalista. Tgħid xi skuża se jġibilna Bernard Grech? X’se jivvinta bħala skuża l-espert tal-elezzjonijiet u s-surveys, Hermann Schiavone? Mhux talli ma sabux skuża talli qed jgħidu li dan hu survey pożittiv. Kuntenti huma kuntent kulħadd.

Biss il-mistoqsija prinċipali tiegħi llum hija din. Se jissejjaħ b’urġenża l-eżekuttiv biex tintalab ir-riżenja tal-Kap Bernard Grech? Niftakar tant tajjeb li kull survey li ħareġ li kien jaqbeż l-erbgħin elf (40,000 votes) fi żmien Dr Adrian Delia, kien jissejjaħ l-eżekuttiv u kien jibda’ l-għajjat ta’ barra barra. Ta’ min jirrifletti ftit, li issa Dr Bernard Grech jgħid li ma għandu l-ebda klikka taħdem kontrih.

Fl-aħħar laqgħa tal-grupp parlamentari kien qal li kull ma għandu jaħdmu kontrih kienu żewġ deputati. Hija daqsxejn differenti l-istorja, minn klikka ta’ sbatax għal tnejn. Imma xorta Dr Grech qed jitlef bl-ikrah għat-tieni xahar konsekuttiv. Jiena naħseb li Dr Grech irid jirrejalizza li fl-ewwel xhur il-poplu kien għadu qed jagħtih ftit ċans u ftit żmien sa x’ħin jsib saqajh. Imma issa ilu hemm tmien xhur u n-numri qed juru li laħaq livell allarmanti u nkwetanti ħafna.

Mela nispera li għada l-istess Bernard Grech isejjaħ l-eżekuttiv għal diskussjoni immedjata. Ippermettili nagħti parir ukoll lill-President tal-Eżekuttiv biex ilesti l-ittra ta’ riżenja għal Dr Bernard Grech. Ma għandux ikollu diffikulta’ għax diġa kien lesta waħda għal Dr Adrian Delia.

Dan ir-riżultat huwa vot ta’ sfiduċja fit-tmexxija ta’ Dr Bernard Grech. Il-klikka lanqas għad fadlilhom fuq min jitfgħu l-ħtija għaliex kienu huma li poġġew blue eyed boys tagħhom madwar Bernard Grech. Nittama, anzi nistenna li għada tibda t-triq għall-elezzjoni miftuħa għall-pożizzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista. Bernard Grech kun raġel u rreżenja. Il-votant nazzjonalist u aktar u aktar dak laburist qed jurik biċ-ċar li ma jridekx.

One comment

Leave a Reply