L-iżballji politiċi ta’ Therese Comodini Cachia
Blog post minn osservatur politiku
Il-politiku li l-aktar kkommetta żbalji ‘called it a day’. Ħarġet l-aħbar fuq il-gazzetti li, kif kien xandar Dr Simon Mercieca tliet ilu f’dan is-sit; Therese Comodini Cachia mhux se tkun kandidata fl-elezzjoni ġenerali li ġejja. Forsi waħda mill-ftit deċiżżjonijiet politiċi għaqlin li ħadet, kemm ilha li ħaddnet il-ħajja politika. Kienet deċiżżjoni tajba li ħadet fl-2013 meta aċċettat l-istedina ta’ Dr Lawrence Gonzi li tkun kandidata ġdida mal-Partit Nazzjonalista fuq is-6 distrett. Ma rnexxilhiex imma bħala turija ta’ impenn politiku ħarġet ukoll kandidata fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew fl-2014. Hawnhekk irnexxielha tagħmilha. Hija kienet it-tielet kandidata li tella’ l-Partit Nazzjonalista f’dik l-elezzjoni meta għall-ewwel darba Malta kellha ittella’ sitt kandidati għall-Parlament Ewropew. Minn dak in-nhar ‘l hawn sfortunatament qabdet sensiela ta’ żbalji politiċi li kkundanawha politikament. Waslet fi stat li ma setgħetx tagħmel iżjed u l-Ġimgħa 4 ta’ Ġunju qalet pubblikament li l-ħajja tagħha bħala politika waslet fl-aħħar battuti tagħha.
Għaliex kienu l-iżbalji tagħha stess li kkundannawha? Bħala membru tal-Parlament Ewropew kienet sejra tajjeb, taqdi d-doveri tagħha b’mod lejali u b’impenn sinċier u qawwi. Iżda fl-2017 meta wasslet l-elezzjoni ġenerali għamlet żball enormi. Nafu li dak in-nhar Simon Busuttil ried li t-tliet rappreżentanti tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew jkunu kandidati għall-elezzjoni ġenerali. Nafu li Roberta Metsola u David Casa qabżulu mis-sunnara. Ma nafx x’ġara eżatt bejn Therese Comodini Cachia u Simon Busuttil. Naf li Therese Comodini Cachia kkonċedit u tefgħet isimha bħala kandidata għall-elezzjoni ġenerali tal-2017 taħt Simon Busuttil. Ġara li Therese Comodini Cachia telgħet.
Jekk sforzha Simon, ngħidilha kont ċuċ li ċedejt. Jekk għażlet hi allura ma kienetx taf x’qed tagħmel. Din ma kienetx kwistjoni ta’ kuxjenza jew imħabba lejn il-pajjiż. Ma setgħetx tarmi x-xogħol kollu fi Brussel b’deċizzjoni kapriċċjuza li ħadet. Tant hu hekk u tant kien ċar li żbaljat li kif ġiet dikjarata membru tal-Parlament Malti, l-ewwel ħaġa li għamlet, forsi żball politiku madornali, qalet li hi se tkompli l-ħajja politika tagħha fi Brussel. Il-votanti tagħha u l-poplu nazzjonalist kielha ħajja. Attakkha minn kull angolu possibbli u kellha tirtira d-deċiżżjoni tagħha u baqgħet Malta. Hemm kompliet l-istraġi tad-deċiżżjonijiet politiċi ħżiena.
Meta tela’ Adrian Delia kompliet tgħaffeġ. Ħadet il-linja ta’ Simon Busuttil. Fl-opinjoni tiegħi kien Simon Busuttil li kissirha politikament. U hemm saret parti mir-ribelli. Saret waħda mill-blue heroes. Mossa oħra politika straordinarjament immatura, kienet meta aċċettat, għax ħasbet li r-ribelli ta’ madwarha verament kellhom fiduċja fiha li titpoġġa bħala Kap tal-Oppożizzjoni u Kap tal-Partit Nazzjonalista. Il-logħba li lagħbuha sħabha lanqas xammitha bl-imnieħer ta’ Pinocchio. Inqdew biha. Tefgħuha fuq pedestal imsewwes. Biss hi belgħatha sa l-istonku tagħha u saħansitra ddikjarat lilha nfisha bħala l-Kap tal-Oppożizzjoni. Jaħasra xi pwerilita politika wriet f’dawk il-ġranet verament koroh għaliha!
Id-deċiżżjoni li jmorru għand il-President ta’ Malta bl-isem tagħha miktub fuq moħħ kull deputat ribell, ġagħlitha taħseb li hija saret ir-reġina tal-Partit. Iżda kif jgħid il-Malti min jgħola ħafna jieħu tisbita kbira jieħu. U hekk ġralha Therese Comodini Cachia. Sħabha mingħajr ma ħasbuha darbtejn, ramewha u abbandunawha għal riħha. Louis Galea mexxa l-manuvra aħħarija fuqha u fuq Roberta Metsola. Waqgħu iż-żewġ nisa u rrenja r-raġel. Fil-politika trid tkun sod u bil-boċċi.
Sfortunatament Therese hemmhekk falliet. Spiċċat nullita’, immaltrattata mill-poplu, abbundanata u wżata minn sħabha stess. Nista’ nimmaġina x’baqa’ fiha. Illum naħseb straħet mentalment minn xhur u snin fejn l-istalletti ġew imsinna u wżati. Hi kienet waħda li attakkat bihom, biss taf ukoll xi tfisser meta taqlagħhom ġo darek. Ikolli ngħid, għaliha u għal dawk kollha li kienu u għadhom parti mill-klikka ribelli, jien ma nħoss ebda rimors. Il-ħsara li għamlu lill-Partit f’dawn l-aħħar erba’ snin jibqa’ mniżżel bħala tebgħa f’qalb kull wieħed u waħda minnhom jekk għandhom kuxjenza. Therese frankajtilna li nħallu kaxxa vota fuq id-distretti tiegħek għax kieku ħrigt, int u sħabek, ma għandkomx ċans tieħdu vot minn għand ħafna eluf ta’ Nazzjonalisti. Issa ż-żmien li tistrieħ. Imma huwa ż-żmien li tagħmel eżami tal-kuxjenza. Huwa żmien ukoll li xxandar l-ismijiet ta’ dawk li qerdulek il-ħajja politika tiegħek. Huwa żmien ukoll, li biex isserraħ il-kuxjenża, titlob l-iskużi neċessarji.