It-tweet ta’ Matthew Caruana Galizia dwar il-fatt li l-avukat tal-aħwa Degiorgio qed ikun imħallas minn Yorgen Fenech

Blog post minn osservatur politiku

It-Times of Malta reġgħet tat il-possibilita’ lil familja Caruana Galizia biex jidhru fuq il-gazzetta tagħhom, jekk jista’ jkun fuq l-ewwel paġna. Meta naqra din l-informazzjoni nkompli nikkonferma li hemm pjan maħsub b’ċertu makakkerija biex kuljum jew kull ftit ġranet, ikun hemm storja marbuta mal-familja Caruana Galizia, irrispettivament jekk hix vera jew le. L-aqwa li  toħroġ xi ħaġa biex toskura lil Yorgen Fenech fuq il-faċċati tal-gazzetti indipendenti jew fuq il-portals diversi.

Din l-informazzjoni ta’ pezzi bukkuni qed isiru bil-għan li din is-saga ma tmutx mewta naturali u ma titħalliex tasal għall-konklużjoni biss fil-qrati. Hemm pjan stramb biex dan il-qtil tant ikrah u makabru, u l-intriċċi enormi li hemm mdawrin miegħu, jibqgħu jsaltnu u jkunu l-aħbar prinċipali fl-arena tal-aħbarijiet Maltin.

Matthew, it-tifel ta’ Daphne, issa tana biċċa aħbar oħra minn din is-saga. Qalilna li Yorgen Fenech qed iħallas id-difiża tal-aħwa Degiorgio. Jiġifieri l-avukat tal-aħwa Degiorgio, William Cuschieri, qed jitħallas direttament minn għand Yorgen Fenech. Issa ħa nifthemu, li tipprova tkompli tgħakkes lil min hu diġa l-ħabs, ‘is a bit rich’, kif jgħidu l-ingliżi. Imma Matthew jista’ u t-Times of Malta u gazzetti oħra taparsi indipendenti malajr jingħaqdu f’din l-aħbar straordinarja. Dan li joħroġ minn ħalq Matthew, qisu ħiereġ minn xi evanġelista għax jitwemmen mingħajr l-iċken ħjiel ta’ dubju jew in-neċessita’ ta’ xi kwalita ta’ konferma.

Matthew kien qed jagħti reazzjoni għall-ittra li l-avukat tal-aħwa Degiorgio bagħtu lill-Kummissarju Ewropew Didier Reynders, f’isem il-klijenti tiegħu. Ovvjament din il-ħaġa lil Matthew ma għoġbitux u tefa’ tweet. Il-gazzetti The Times of Malta, Malta Today u il-media house tal-Knisja ħatfu l-okkazzjoni biex tellgħu storja fuq dak li qal it-tifel ta’ Daphne. It-tlieta li huma dawn il-kmamar tal-aħbarijiet tkellmu fuq din it-tweet, qisu fatt ikkonfermat. Jiena hawn se nitfa’ mistoqsija għall-interess u informazzjoni tal-qarrejja.

Ngħid jien kif jistgħu jippuntaw subgħajhom lejn Yorgen Fenech meta dan qiegħed maqful il-ħabs? Jekk dan qiegħed il-ħabs, kif jista’ jirnexxielu jħallas lil xi ħadd, meta nafu li għandu flusu kollha ffriżati, allura dawn il-gazzetti għandhom jgħidulna mingħajr dewmien kif qed jirnexxielu jagħmlu Yorgen Fenech mill-ħabs? Naħseb il-ġurnalisti ta’ dawn id-djar tal-aħbarijiet huma obbligati li jagħtu din l-informazzjoni lill-qarrejja tagħhom. Inkella ma jistgħux ikunu emmnuti.

Ara ma jibqgħux jaħsbu, dawn il-ġurnalisti ta’ dawn il-kmamar tal-aħbarijiet, li l-poplu għadu jibla’ kollox bħal mazzun għax fil-kas ngħidilhom li għandhom żball kbir. Ħalli nkomplu nagħtu perspettiva għal din l-istorja ta’ Matthew. Kien dan l-istess tifel ta’ Daphne u ż-żewġ ħutu subien, flimkien ma’ missierhom li talbu lill-qrati u rnexxielhom jiffriżaw il-kontijiet bankarji tal-imputat Yorgen Fenech u l-kumpaniji tiegħu. Mela kif jista’ jħallas lill-avukat tal-aħwa Degiorgio? Illum tidher ċara li din l-mossa tal-kawża ċivili saret biex Yorgen Fenech l-anqas ikollu flus biex iħallas lill-avukati tiegħu stess.

Mela kif jista’ persuna li talab lill-qorti biex il-kontijiet bankarji ta’ Yorgen Fenech ikunu ffriżati qed iħallas avukat tad-difiża tal-aħwa Degiorgio? Ma nagħmlux mod li qed jinsinwa li  l-ordni tal-qorti li ottjena Matthew u familtu mhux qed taħdem? Dan ifisser li anke Matthew qed jiddubita jekk l-ordnijiet tal-qorti humiex jiġu esegwiti? Mela l-konklużjoni hija waħda mit-tnejn. Jew il-qorti tilfet snienha jew il-Familja Caruana Galizia qed taqla’ minn żniedha.

Leave a Reply