Ir-ritratti kbar ta’ Bernard Grech

Blog post minn osservatur politiku

Il-bieraħ filgħaxija ltqajt ma’ ħabib u mingħajr mistenni bdejna nitkellmu fuq il-politika u qalli li la l-Partit Nazzjonalista wasal biex iwaħħal dan it-tip ta’ ritratti kbar ta’ Bernard Grech mal-faċċata tad-Dar Ċentrali, is-sinjal hu ċar, il-Partit Nazzjonalista wasal fl-agunija tiegħu. Bdejna ngħidu kif jista’ jkun nersqu lejn dan il-tip ta’ ħsieb li huwa marbut ma’ dittatura jew komuniżmu estrem. Ritratti kbar ta’ persuna fit-tmexxija ta’ Partit Politiku jwassallek messaġġi ta’ turija ta’ importanza li jipprova jiġbed lejh persuna. Il-Partit Nazzjonalista dejjem ħaddan twemmin divers u għalhekk bħala partit dejjem jiftaħar bil-możajk ta’ ideat. Isejjaħ lil membri tiegħu Kristjani, demokratiċi, konservattivi, religjużi, liberali forsi anke soċjalisti, imma qatt ma wasal li jħalli lil xi ħadd idaħħal fil-partit idoloġiji dittatorjali, estremi, komunisti u oħrajn ta’ dan it-tip ta’ twemmin. Ritratt bħal dan iwassal messaġġ differenti minn dan kollu li semmejna. Ritratt bħal dan, imwaħħal mal-post prinċipali tal-faċċata tad-Dar Ċentrali u rreplikat f’wieħed mil-każini, ifisser messaġġ ta’ idolatrija.

Dak huwa ritratt biex fil-partit joħloq idolu. Dr Bernard Grech li ħallejt ritratt bħal dak u ta’ dak il-kobor jitwaħħal, hu fejn hu, ifisser li int għandek problemi kbar moħbijin wara dak li turi l-personalita’ tiegħek. Inti wasalt fi stat li qed taħseb li int l-uniku salvatur ta’ pajjiżna. Inti qed turi li inti l-uniku politiku mogħni bid-doni kollha neċessarji biex tmexxi pajjiż. Inti qed tgħidilna mingħajr ma tkellimna, li inti ħafna akbar minn dak li veru int. Dr Bernard Grech, dak ir-ritratt grandjuż qed jibgħat messaġġ li int bniedem li tuża dak li bl-Ingliż jgħidluha ‘superiority complex’ biex tgħatti l-‘inferiority complex’ qawwija li għandek. Jaħasra, dawk li għandek madwarek li jaħsbu li huma għorrief tal-ewwel grad, lanqas sa hawn ma jaslu.

Żball kbir jagħmel politiku li jaħseb li hu sar xi idolu ta’ xi ħadd. Int politiku li bħalissa int kap tal-Partit Nazzjonalista u tippruvax tkun xi ħaġa li m’intiex. Lanqas jagħmillek ġid li tagħmel lilek innifsek ħafna aqwa mid-deputati ta’ madwarek. Żgur li int, Dr Bernard Grech, ma għandekx tipprova taddotta tip ta’ propaganda li nassoċjawha mal-‘presidential election’ jew dittaturi xellugin.

Bir-rispett kollu għadek il-bogħod ħafna biex turina politikament x’issarraf. Lanqas kieku ismek kien jiġri quddiemek qabel ma dħalt fil-politika ma naħseb li għandek tersaq lejn din it-tip ta’ politika. Huwa sinjal kristallin li tlift kull umilta’ li seta’ kellek u dak mhux tajjeb fid-dinja politika tas-seklu wieħed u għoxrin. Dik ħadmet darba fl-2008, bi ftit, għal Gonzi imma kissritu fl-elezzjoni ta’ wara tal-2013. Dan hu dak li se jiġrilek jekk ma toqgħodx attent.

Dr Bernard Grech żomm saqajk mal-art. Tippruvax tiġri qabel ma politikament jkollok saqajk sodi mal-art.

One comment

Leave a Reply