Fil-Parlament, Ryan Callus fakkar lill-kulħadd li hu inġinier!

Blog post minn osservatur politiku

Din hija l-famuża kwotazzjoni ta’ Mark Anthony fil-funeral ta’ Ċesri tgħid:

“Friends, Romans, countrymen, lend me your ears; I come to bury Caesar, not to praise him”.

Fil-Parlament nhar l-Erbgħa 2 ta’ Ġunju 2021, Ryan Callus ħsibtu qed jgħid:

“Friends, Maltese, countrymen, lend me your ears; I come to praise no one but myself.”

Isimgħu d-diskors ta’ Ryan Callus fil-Parlament meta kien qed jitkellem fuq Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar il-Professjoni tal-Inġinerija. Nitlobkom għiduli għandix raġun nikteb hekk. Waqt dan id-diskors Callus ħasbu qiegħed jagħmel xi kompetizzjoni minn jfaħħar lilu nnifsu l-iżjed.

Is-Sur Callus li verament huwa Inġinier fil-professjoni tiegħu, beda d-diskors tiegħu billi qal li huwa ovvju li jitkellem fuq dan l-Abbozz ta’ Liġi. Min aktar minnu jista’ jitkellem fuq l-inġiniera jekk mhux hu. Huwa ħassu obligat li jesprimi dak li qed jitkellmu fuqu, jaħsbu jew igergru l-inġiniera Maltin u anke barranin.

Huwa stqarr li se jressaq dak li qed iħossu l-Union tal-Inġiniera u anke ic-Chamber of Engineers. Tajjeb. Sewwa għamel. Imma intom taħsbu li kien hemm għalfejn jgħidilna li l-inġinier huwa l-bidu u t-tmiem ta’ kollox għax kull ma kien hemm madwaru huwa riżultat tax-xogħol tal-inġiniera.

Qal ukoll x’ħin qam bil-wieqfa jitkellem, li l-Parlament ma jistax jibqa maħkum minn professjoni partikulari waħda. Ovvju li kien qed jirreferi għall-avukati. Ma għandi ebda digriet minn għand l-avukati biex niddefendi din il-professjoni, imma fil-Parlament sa fejn naf jien, jgħaddu ħafna liġijiet u jressqu ħafna emendi għal dawn l-istess liġijiet, allura ma jaħsibx is-Sur Ryan Callus, li jkollox moħħ legali jista’ ukoll ikun ta’ benefiċċju għall-istess kamra tal-Parlament?

Li l-biegħa trid tkun imħallta huwa tajjeb, imma ejja ma nurux disrispett lejn professjoni jekk trid tiġbed rispett lejn tiegħek. Is-Sur Callus kburi li hu inġinier u għandu biex, imma bħal ma fakkarna kemm-il darba li hu għamel żmien l-iżgħar deputat fil-Kamra tar-rappreżentanti, fl-aħħar diskors tiegħu qalilna kemm-il darba li hu l-ewwel u l-uniku ingineer li qatt rappreżenta lill-poplu kemm ilu li fetaħ il-Parlament.

Huwa tajjeb li tkun kburi b’dak kollu li tkun għamilt f’ħajtek, imma aktar tajjeb li żżomm saqajk mal-art u tnaqqas mill-infih tiegħek innifsek. Min jiftaħar jaqa’ il-baħar jgħid il-Malti għax il-fanfri l-baħar qiegħdin.

2 thoughts on “Fil-Parlament, Ryan Callus fakkar lill-kulħadd li hu inġinier!

Leave a Reply

Your email address will not be published.