Ebda referenza l-bieraħ fil-parlament għall-politika ta’ Adrian Delia favur l-ambjent

Blog post minn Osservatur Politiku

Fil-Parlament, il-Ħamis 3 ta’ Ġunju saret seduta fuq Abbozz ta’ Liġi sabiex jemenda l-Att dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent imressaq mill-Partit Nazzjonalista, il-Partit fl-Oppożizzjoni. Min-naħa tal-Partit Nazzjonalista tkellmu Robert Cutajar li ressaq il-mozzjoni, Karl Gouder u Bernard Grech. Min-naħa tal-Gvern tkellmu Glenn Beddingfield, Ian Castaldi Paris u Aaron Farrugia. Kien hemm in-nuqqas ta’ David Thake f’dan id-dibattitu.

Niftakar qisu l-bieraħ meta Dr Adrian Delia, bħala kap, id-dekasteru tal-ambjent kien tah lil David Thake. Dr Delia kien jaf x’għamel u x’baqa’ jagħmel David Thake, imma Dr Delia ma ħarisx lejn uċuh, għax kien responsabbli biżżejjed li dak li seta’ kien ta’ ġid għall-pajjiż, għamlu. Niftakar ukoll ċar dik il-ġurnata fejn sar il-famuż reshuffle ta’ Dr Bernard Grech u għadni nara quddiemi wiċċ David Thake meta ġie nfurmat li kien tneħħielu l-ambjent. Dak kien il-vot ta’ fiduċja li ħa David Thake minn għand il-bniedem li tant ħadem biex poġġieh kap.

Biss l-aktar ħaġa li mpressjonanti f’dan id-dibattitu, kien in-nuqqas ta’ referenza lejn kif kien iħares lejn l-ambjent il-kap ta’ qabel. Kont nistenna li t-tliet membri tal-Partit Nazzjonalista, inkluż Dr Bernard Grech, jsemmu li fit-tliet snin ta’ tmexxija ta’ Dr Adrian Delia, l-ambjent kien fuq nett tal-aġenda politika tiegħu. Dr Delia tant kien jagħti importanza lill-ambjent, li kien għamel piramida deskrittiva fejn fuq nett kien miktub l-ambjent u kollox jaqa’ f’postu l-isfel u fl-istess ħin idur mal-ambjent. Dr Delia kien jgħid ma kulħadd, allura anke ma’ kull min mess mal-politika fi żmien li hu kien kap, li għalih l-ambjent kien il-perm li miegħu jdur kollox.

Ikolli nifhem li l-politika adottata issa, kemm ilu li laħaq Dr Bernard Grech Kap, din il-piramida tbiddlet jew addirettura ġiet żarmata. Araw kemm kellu raġun Dr Adrian Delia li jadotta dik il-kwalita’ ta’ politika. Irriflettu ftit u ħarsu madwarkom u aħsbu f’dak kollu li tridu u tindunaw li kull ma jsir madwarek u kullimkien, kull xogħol li jsir, kull ħaġa li titwettaq ikollha effett fuq l-ambjent. Dr Delia din il-vizzjoni adattat mal-ewwel ġranet fit-tmexxija tiegħu. Huwa kien jitkellem fil-miftuħ li l-ambjent għandu jkun il-cavallo bi battaglia għall-elezzjoni ġenerali li ġejja. Kien viżżjonarju u kien jifhem li f’pajjiżna l-ambjent kien qed jinqered. Kien irrealizza li l-politika mħaddna mill-Gvern tal-ġurnata kienet traskurata ħafna fejn jidħol l-ambjent. Tant hu hekk li fi żmien Dr Delia bħala kap, kien hemm ħafna diskorsi fil-parlament li dawru l-argumenti tagħhom mal-ambjent.

Illum meta tisma’ id-diskorsi fil-Parlament tħoss li ma għadhomx jagħtu din l-importanza neċessarja għal dan is-suġġett tant importanti. L-ambjent huwa bħal umbrella miftuħa li taħtha u biha kulħadd jistkenn u jagħmel il-ġid għax ma jixxarrabx u allura ma jitgħarraqx.

Napprezza li Robert Cutajar ressaq abbozzi bħal ma għamel imma jien nistenna li l-Partit Nazzjonalista jerġa’ jħaddan l-ambjent bħala l-akbar arma tiegħu li biha jista’ jsawwat lil dan il-Gvern li fl-ambjent għandu record ta’ mistħija, ta’ telqa, ta’ konkoss kullimkien u tant ħafna abbandun ieħor.

Leave a Reply