Ir-ritratti kbar ta’ Bernard Grech u t-tnaqqis tal-preżenza tal-avukat Joe Giglio fuq NET TV.

L-istrateġija fid-Dar Ċentrali hija li kollox għandu jkun iċ-ċentrat fuq il-figura ta’ Bernard Grech. Saħansitra saru ritratti kbar tiegħu. Tnejn enormi ġa ġew mwaħħla mal-faċċata tad-Dar Ċentrali. L-anqas fi żmien Eddie Fenech Adami qatt ma twaħħlu dawn it-tip ta’ ritratti mal-faċċata tal-istamperija. Dan wassal biex partitarji u saħansitra deputati qed jgħidu li d-Dar Ċentrali spiċċat qisha l-kwartieri ġenerali ta’ Kim Il Sung. Minħabba f’hekk, ħafna qed iqabbluha ma’ Pyongyang fil-Korea ta’ Fuq. Fit-toroq ta’ dak il-pajjiż jitwaħħlu r-ritratti tal-leader. Issa din l-istrateġija qed titmexxa anki fil-każini. Ġa twaħħal ritratt kbir ta’ Bernard Grech mal-każin ta’ Ħ’Attard.

Imma din il-manija li jidher ma waqqfitx mar-ritratti. Din kompliet timxi fuq il-media tal-Partit Nazzjonalista. B’hekk ġiet mogħtija ordni lill-media tal-Partit Nazzjonalista biex Bernard Grech jidher kuljum fl-aħbarijiet.

Fuq kollox, minn informazzjoni li rċevejt, l-istrateġisti tal-PN qed iħarsu b’ċertu biża’ lejn Joe Giglio. Infakkar li Dr Joe Giglio mexa ħafna ‘l quddiem fi żmien Adrian Delia. Delia mhux talli ma beżax minn Giglio talli riedu jkun wieħed mill-istar candidates tal-Partit Nazzjonalista. Infakkar li Adrian Delia kien ikkonvinċa lil Joe Giglio biex joħroġ mal-Partit Nazzjonalista fuq żewġt distretti.

Issa l-affarijiet jidher li qed jinbidlu. Qed ikun innutat t-tnaqqis tal-preżenza tiegħu fuq NET TV. L-aħħar darba li deher fuq NET TV kien fit-18 ta’ Mejju. Kien mistieden bħala kandidat ġdid. Qabel kien ipparteċipa fuq il-programm tal-analiżi tal-gazzetti tal-Ħadd. Kienu talbuh jieħu sehem meta ħareġ is-survey disastruz tal-11 ta’ April. Il-mod dirett kif tkellem ma tantx intlaqa’ tajjeb minn ċertu strateġisti tal-Partit Nazzjonalista.

Fuq kollox, ġie innutat li l-preżenza tiegħu fuq NET TV kienet tkun aktar spissa meta Dr. Delia kien il-mexxej tal-Partit Nazzjonalista. Din qed tkun interpretata minn deputati u persuni li jaħdmu fid-Dar Ċentrali li l-ġenerali ta’ madwar Bernard Grech qed jarawh bħala theddida. Min jaf għalfejn?

One comment

Leave a Reply