Daqt jgħidu li Adrian Delia sar Laburist għax faħħru Ian Borg

Blog post minn osservatur politiku

Il-Ministru Ian Borg qam fil-Parlament biex jagħmel il-winding up tal-abbozz ta’ liġi li jemenda Liġijiet Varji dwar ir-Reġistrazzjoni ta’ Inġenji tal-Ajru. Din hija silta, kelma b’kelma, minn dak li qal fil-bidu tad-diskors tiegħu Dr Borg.

“Nirringrazzja lil kull min ikkontribwixxa. Kienet seduta illi ma kienx hawn ħafna kelliema, pero kien hemm kwalita’ fl-argumenti u anke għalkemm ma kontx il-ħin kollu fil-kamra, kont fl-uffiċju nsegwi b’mod partikulari d-diversi rakkomandazzjonijiet pożittivi ta’ nies bħal l-Onor. Delia illi għaddew il-ħsibijiet tagħhom u kif nistgħu nkabbru din-niċċa. Kif nistgħu nirduppjaw l-assi li għandna f’oqsma oħra bħal marittimu li huma iżjed stabbiliti u storikament ġabu xogħol ta’ kwalita’, ġabu ġid lejn pajjiżna ħalli l-gvern ikun jista’ jqassam anke skond il-ħtiġijiet tal-pajjiż”.

B’mod awtomatiku u immedjat dan id-diskors ifakkarni fil-kliem tal-klikka ribelli, li rrovinat il-Partit Nazzjonalista, meta kienu jgħajru lil Adrian Delia li kien fil-but tal-Gvern tal-Labour, ta’ Joseph Muscat u ta’ Robert Abela. Jekk kellu kollox ħażin Joseph Muscat, f’ħaġa waħda kien profetiku. Kien qal li wara li l-forzi tal-klikka fil-Partit Nazzjonalista jtgħajru lilu, l-istess nies kienu se jduru fuq Adrian Delia. Kemm kellu raġun Joseph Muscat!

Lura għad-diskors tal-Minstru Ian Borg. Jekk jeżisti Ministru li ma tantx juri rikonoxximent lejn l-avversarji politiċi tiegħu huwa l-Ministru Ian Borg. Il-Ministru Borg huwa rinomat għal mod kif jiftaħar bih innifsu u bil-Gvern li huwa parti minnu. Pero’ f’dan id-diskors tiegħu fl-għeluq tal-liġi msemmija ‘l fuq, huwa kkomplimenta lil kull min tkellem, u għamel referenza speċjali għad-diskors ta’ Dr Adrian Delia. U ma jistax ma jkunx hekk.

Tisma’ lil Dr Adrian Delia tieħu nifs frisk. Tieħu pjaċir tisma’ diskors mimli pożittivita’. Diskors li jħares ‘l quddiem. Diskors li jikkontribwixxi bl-ideat. Diskors li jgħaddi suġġerimenti li ġew apprezzati anke mill-avversarju politiku tiegħu tant li rringrażżjah. Tisma’ diskors bla mibgħeda imma anke bi kritika sostanzjata. Tisma’ diskors magħmul u mibni fuq ħsieb wieħed, il-ġid tal-poplu Malti u Għawdxi. Tisma’ diskors fejn fakkarna l-ġid li għamlu gvernijiet Nazzjonalisti speċjalment fil-kamp marittimu. Tisma’ diskors fejn ifaħħar il-pass meħud minn Gvern ieħor Nazzjonalista li kien beda r-reġistrazzjoni tal-avjazzjoni. Diskors mimli sustanza. Diskors mimli ħsieb profond. Diskors bis-sens u bla ħela ta’ ħin. Diskors eżemplari ta’ kif għandhom ikunu d-diskorsi fil-Parlament minn kull deputat li jirrapreżenta l-poplu.

Dejjem kont ngħid u nibqa nwassal l-istess messaġġ lil kull deputat, jekk ma tippreparax ibqa’ bil-qiegħda u tqum titkellem xejn. Bniedem avżat nofsu armat u għalhekk nippretendi diskorsi preparati, riċerkati u studjati sewwa, għax kull deputat ikun jaf minn qabel x’se jkun hemm għad-diskussjoni u jekk hux wieħed mill-parteċipanti. Mela ma hiex aċċettabbli li tisma’ fl-għola istituzzjoni ta’ pajjiżna diskorsi fejn l-argumenti jkunu riċiklati ħafna aktar minn darba, fl-istess diskors.

Grazzi Dr Delia. Grazzi għad-diskorsi preparati tiegħek. Inti għandek id-don tal-oratrija, imma d-don waħdu mhux biżżejjed. Irid ikun hemm l-argument sod u b’saħħtu. Irid ikun hemm il-ħsieb imsejjes fuq skop. Irid ikun hemm imħabba sinċiera lejn pajjiżek u l-poplu tagħha.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *