X’inhi l-vera raġuni għala l-Partit Nazzjonalista mar lura fuq il-Bord tal-Artijiet?

Blog post minn osservatur politiku

Ħarġet l-aħbar li l-Partit Nazzjonalista qaleb id-deċiżjoni tiegħu, li kien ħa fl-2019, u se jerġa jirritorna r-rappreżentanza tiegħu fil-Bord tal-Awtorita’ tal-Artijiet. Dak iż-żmien Ryan Callus kien irriżenja minn dan il-bord għaliex kien qal li l-Gvern kien qed jinterferixxi f’xogħol ir-regolatur. Imma l-aktar ħaġa mportanti msemmija f’Novembru 2019 kienet li l-Bord kien trasferixxa l-poteri tiegħu lis-CEO, James Piscopo dak iż-żmien, u kien qal ukoll li l-poteri tal-Bord kien inħataf mill-istat. Ir-rappreżentant tal-Oppożizzjoni fuq dan il-Bord tippermettih il-liġi, imma l-poter tal-Awtorita’ kien għadda f’idejn il-magħżul tal-Gvern fil-pożizzjoni ta’ CEO. Mela tifhem li l-Bord wara dan it-trasferiment ta’ poter lis-CEO, kien spiċċa Bord bla snin.

Illum nafu li Piscopo rriżenja l-pożizzjoni tiegħu wara li t-Times of Malta kienet żvelat li hu kien qed jiġi nvestigat b’rabta ta’ tixħim u korruzzjoni. Illum il-Bord għandu Chairman ġdid li huwa John Vassallo. Il-Partit Nazzjonalista qal li meta vvota favur in-nomina ta’ John Vassallo, f’wieħed mill-Kumitati tal-Kamra tal-Parlament, għamel dan b’kawtela kbira. Fl-istess ħin il-Partit Nazzjonalista qal li se jagħti l-opportunita’ lill-Gvern biex jirranġa l-mod kif taħdem l-Awtorita’.

Il-Malta Today fl-aħbar tagħha qaltilna li skond l-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista r-rappreżentant tal-Partit Nazzjonalista se jkun l-vuċi biex jagħmel ċert li s-CEO jisvesta mill-poteri li għandu u li jiġu trasferiti lura lill-Bord. Il-gazzetta qaltilna wkoll li peress li l-Awtorita’ għandha nies ġodda fit-tmexxija u peress ukoll li l-laqgħat isiru wara bibien magħluqa, il-Partit Nazzjonalsita ħass li kien aħjar li jkun attiv. Nifhem li tajjeb ikollok spija ġewwa ħalli tkun taf x’qed jiġri barra wkoll.

Ippermettuli niġbed l-attenzjoni li din il-kwistjoni tal-poter f’idejn is-CEO kienet ir-raġuni prinċipali li kien irreżenja Ryan Callus fl-2019. Jiġifieri nkun qed ngħid sewwa li l-Partit Nazzjonalista reġa’ nnomina r-rappreżentant tiegħu, imma r-raġuni prinċipali tar-riżenja sentejn qabel, kienet u għadha hemm. Jiġifieri reġgħu marru lura fil-Bord mingħajr ma sar ebda tibdil sinifikanti fl-istess Bord li għadu bla snin.

Din hija biss U-Turn fuq deċiżżjoni li ttieħdet minħabba, biex ngħid hekk, l-arroganza tal-Gvern u l-Partit Nazzjonalista reġa’ lura fil-Bord biex ikun kompliċi f’dak li għadu qed jagħmel il-Gvern. Bħala punt ta’ riferenza, l-istess aħbar imxandret ukoll mill-media tal-knisja, Newsbook. Din għażlet li ma ssemmi xejn dwar ir-raġuni prinċipali li minħabba fiha kien irreżenja Ryan Callus u ma qalet xejn minn dan kollu. Din il-Media għoġobha ssemmi biss affarijiet oħra mill-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista. Newsbook qalet biss li

“L-Oppożizzjoni b’sinjal ta’ rieda tajba, wara l-ħatriet ġodda taċ-Chairman u tal-Kap Eżekuttiv u fid-dawl tal-fatt, li s-seduti jsiru fil-magħluq, il-Partit Nazzjonalista jemmen li hu għaqli li jkun preżenti mill-ġdid għal dawn il-laqgħat, jipparteċipa b’mod attiv u jsir l-iskrutinju meħtieġ.” Nafu li Kristy Debono se tkun ir-rappreżentant tal-Partit Nazzjonalista fuq dan il-Bord. Il-Malta Today qaltilna li Kristy Debono se tieħu dan il-post fuq il-Bord għax hija l-kelliema fuq l-Ekonomija u l-Artijiet. In-Newsbook ħasset li ssemmi biss li Kristy Debono hija l-kelliema tal-Ekonomija mingħajr ma għamlet ebda referenza għall-Artijiet. Jiena nżid li Kristy Debono kien ħaqqha tieħu r-rigal mistenni lilha, wara li kważi qasmet il-kamra tal-Partit flok tal-Parlament, u saret parti mill-blue heroes. Naħseb hawn tinsab il-vera raġuni għala l-Partit Nazzjonalista mar lura dan il-bord.

One thought on “X’inhi l-vera raġuni għala l-Partit Nazzjonalista mar lura fuq il-Bord tal-Artijiet?

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *