Roberta Metsola trid togħqod attenta biex ma tinħaraqx

Blog post minn osservatur politiku

Qrajt artiklu fil-gazzetta ta’ nhar il-Ħadd, 30 ta’ Mejju 2021, il-Kullħadd, fejn l-artikolista jikteb li ż-żewġ membri tal-Parlament Ewropew f’isem il-Partit Nazzjonalista, assistiti mis-Segretarju Ġenerali tal-EPP, ma rnexxilhomx jerġgħu jattakkaw il-Gvern Malti. Dawn kienu qed jinstigaw dibattitu ieħor fuq l-infiq tal-fondi Ewropej. Din id-darba, dan l-attentat sfaxxa għaliex istituzzjonijiet regolartorji u l-aġenzija kontra l-frodi taw l-aqwa ċertifikat lil pajjiżna.

Meta tisma’ r-raġuni wara dan l-attentat ma tkunx trid temmen dak li qed taqra. Mela dawn it-tlieta pruvaw, fl-opinjoni tiegħi, jħalltu il-ħass mal-bass. Dawn pruvaw iġibu l-argument u riedu li jiġi diskuss jekk kienx hemm rabta bejn l-investigazzjonijiet li kienet tagħmel Daphne Caruana Galizia u l-użu tal-fondi Ewropej f’Malta. Dawn it-tliet masketeers għaġlu għaliex l-uffiċjali mill-Kummissjoni Ewropea u mill-OLAF mhux talli qalu li ma sabu xejn minn dawn l-allegazzjonijiet, talli saħansitra faħħru kif Malta amministrat l-fondi Ewropej b’mod tajjeb.

Dawn se jdumu joħorġu ta’ ċwieċ!! Dawn se jdumu jaqgħu għan-nejk u jagħmlu ħsara lil pajjiżna, meta dawn ġew eletti mill-elettorat biex jaħdmu favur pajjiżhom. Biss jien nistenna li Simon Busuttil, ex-Kap miġbud minn imnieħru minn Daphne Caruana Galizia, u David Casa, ħabib intimu ta’ l-istess Daphne, li jaqgħu fin-nasba tas-sinjura, imma jiddispjaċini ngħid li ma nistenniex li l-kap futur tal-Partit Nazzjonalista, Roberta Metsola, tidħol f’dawn l-intriċċi perikulużi u redikoli.

L-aritkolista għandu raġun ukoll jikkummenta li Bernard Grech ma għandux is-saħħa jikkontrolla din il-fazzjoni ta’ Simon Busuttil u tal-establishment, li fuq kollox poġġietu hemm. Ara veru dawn iż-żewġ rappreżentanti tal-poplu f’isem il-Partit Nazzjonalista u l-ieħor, Alla jista’ kollox, ex-kap li qala’ l-akbar tkaxkira fl-istorja tal-Partit Nazzjonalista, ma fehmu u ma tgħallmu xejn miż-żewġ tkaxkiriet kbar tal-2013 u l-2017.

Kif diġa għidt Roberta Metsola ma hi qiegħda tikkonvinċini xejn. Anzi ma’ kull mossa li jdaħħluha fiha sħabha, qed tkompli turi li din il-magħżula tal-establishment fil-futur viċin, qed tibgħat messaġġi nieqsa minn ħafna abilitajiet neċessarji biex tkun kap ta livell. Tibqa’ skantat kif tidħol fihom dawn il-praspar. Tibda’ tirrealizza li ma hemmx ħsieb profond li mossi negattivi bħal ma pparteċipat fihom dawn l-aħħar xhur, kull ma jagħmlu hu li jibnu ħajt ta’ inkapaċita’ fil-ħsieb. Meta tistudja fil-fond din il-parteċipazzjoni ta’ Metsola f’dawn l-atti kontra pajjiżha tibda’ tgħid imma xi skop għandha din il-mara, li terbaħ billi tattakka lill-avversarju jew tipprova terbaħ billi turi li hi aħjar mill-avversarju.

Kif diġa ntqal kemm-il darba, hemm bżonn li l-opppożizzjoni ma tippruvax takkwista punti politiċi mill-ħażin tal-gvern imma trid turi li hi kapaċi iżjed mill-gvern. Issa kulħadd jaf li hawn Malta dan mhux qed jiġi attwat mill-Oppożizzjoni. Ovvjament dak li qed isir fl-istituzzjonijiet Ewropej minn Maltin stess ma jgħin xejn fil-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista. Imma l-biża ta’ ħafna hi li Roberta Metsola, bħalissa qed tibgħat messaġġi negattivi lejn pajjiżha. Qed turina li l-imħabba lejn Malta mhux tkun kontemplata qabel taġixxi kontra l-Gvern. Qed turina li ma hemmx profondita’ fil-ħsieb politiku tali, li jkun għall-altezza ta’ persuna fit-tmexxija. Qed turina li l-astuzja politika tagħha hija limitata u mhux dik li biha qed tipprova tpinġi lilha nnifisha. U hawn jibda’ l-inkwiet ta’ ħafna.

Il-Partit Nazzjonalista ilu niżel l-isfel għal żmien twil. Naqbel ma’ min jgħid li ilu sejjer lura mill-2008 meta l-arroganza brillat. Fl-2013 kien midluk Simon Busuttil. Daphne kissret lilu u lill-Partit Nazzjonalista għax sfurzat in-narrattiva tagħha fuqu u hu aċċetta. Fl-2017 tfaċċa wiċċ ġdid li ħafna jemmnu, illum aktar mill-bieraħ, li kieku tawh iċ-ċans kien jaqdef sewwa ‘l quddiem imma l-establishment ried mod ieħor. Illum il-magħżul qed jegħreq u jniżżel f’abbissi fondi ħafna lill-Partit miegħu. Jekk l-establishment diġa tana x’nifhmu li jridu r-Reġina Maltija ġo l-Ewropa bħala kap, il-futur tal-Partit Nazzjonalista x’se jkun?

One comment

Leave a Reply